Permezz ta’ proġett pilota li se jitħaddem f’numru ta’ djar tal-anzjani tal-Gvern, se jiġu organizzati attivitajiet marbuta mal-futbol mingħajr ħlas ġewwa l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol.
Dan sar bi ftehim iffirmat bejn id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol. Dan il-proġett bl-isem #mytime,jikkumplimenta numru ta’ attivitajiet li jinkludu żjara fl-istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali u fil-mużew tal-futbol kif ukoll sessjonijiet ta’ walking football jew attivitajiet fiżiċi adattati skont il-bżonnijiet tagħhom.
L-anzjani se jkollhom l-opportunità jiltaqgħu mal-plejers tat-tim nazzjonali u dħul sussidjat għall-grawnd nazzjonali biex jaraw logħob tal-futbol magħżula mill-anzjani.
ONE News tkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, Angelo Chetcuti fejn spjega kif l-MFA issa addottat eżerċizzji permezz tal-futbol biex l-anzjani jingħaqdu flimkien u jagħmlu kuraġġ biex jagħmu ftit attività fiżika.
Chetcuti stqarr, “Il-futbol jqajjem ħafna emozzjonijiet, iħobbuh ħafna nies, jitkellmu dwaru ħafna nies u mhux inqas l-anzjani. Aħna nħossu li l-futbol il-popolarità tiegħu għandna nużawh ukoll għal dan il-għan biex ninċentivaw in-nies ta’ kull età jipparteċipaw f’dan is-sens parzjalment bl-attività fiżika avolja wieħed ikun anzjan hemm mod kif tilgħab il-futbol bil-pass tiegħek.”
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita’ Attiva Michael Farrugia, tenna li din hija inizjattiva biex iħajru lill-anzjani joħorġu minn djarhom. Waqt l-attività huwa żar il-mużew tal-futbol li l-prestiġju tiegħu jmur lura għall-elf u tmien mija.
Il-Ministru Farrugia tenna, “Illum dan il-ftehim tal-memory of understanding mal-MFA se ngħatu l-opportunità, opportunità lill-anzjani irġiel u nisa illi jistgħu jkollhom taħriġ rigward il-futbol anka jkunu jistgħu jipparteċipaw fejn għandu x’jaqsam walking football, jkunu jistgħu jiġu jaraw il-mużew, imorru lura fil-memorja, imorru lura fil-memorja u jiftakru dawk iż-żminijiet li abli huma kienu hemmhekk.”