Il-Malta Bankers Association (MBA) qed torganizza laqgħa bit-tema ‘Ħu Ħsieb Flusek’ għall-pubbliku inġenerali, bħala parti mill-European Money Week 2025, nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Marzu, fil-Laparelli Hall tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
L-għan prinċipali hu li jiġu mgħejjuna dawk li qed isibu diffikultà biex ilaħħqu mal-avvanzi teknoloġiċi mgħaġġla fis-settur bankarju, inkluż il-pagamenti diġitali.
Is-Segretarju Ġenerali tal-MBA, Karol Gabarretta, saħaq kif din l-inizjattiva se sservi biex jiġi spjegat l-għarfien teknoloġiku, filwaqt li jiffaċilitaw l-mod ta’ kif wieħed jagħmel użu diġitali mis-servizzi bankarji.
Din is-sessjoni se ssir bil-Malti.
Dawk interessati jattendu huma mitluba jirreġistraw billi jibagħtu isimhom u n-numru tal-karta tal-identità fuq events@maltabankers.org jew permezz tat-telefown fuq in-numru 21412210. L-applikazzjonijiet miftuħa sal-14 ta’ Marzu.
Din il-laqgħa qed tiġi organizzata b’kollaborazzjoni mal-banek imsieħba fl-assoċjazzjoni, l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji, l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), il-Korp tal-Pulizija u l-inizjattiva tal-Gvern ‘Ġemma’.