Id-Diviżjoni għar-Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) organizzat sessjoni ta’ informazzjoni għal dawk li jipproduċu jew jimpurtaw kimiċi ta’ tunellata jew aktar minn barra l-Unjoni Ewropea. Dan l-obbligu jaqa’ taħt il-kappell tar-Regolament tal-UE għar-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH).
L-objettiv ta’ din is-sessjoni kien li jinforma lil dawk preżenti dwar id-dokumenti neċessarji għar-reġistrazzjoni qabel id-data ta’ skadenza tal-31 ta’ Mejju, 2018.
Barra minn hekk, ingħata għarfien dwar ir-Regolament ta’ REACH u dak tal-klassifikazzjoni, it-tikkettar u l-ippakkjar (CLP). Ingħatat ukoll ħarsa ġenerali lejn kif għandhom jiġu komposti l-iskedi tad-data tas-sigurtà.
Għal aktar informazzjoni wieħed ġentilment mitlub jikkuntattja lill-MCCAA fuq info@mccaa.org.mt jew iċempel fuq 2395 2000. Iktar informazzjoni tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Aġenzija Ewropea tal-Kimiċi, l-ECHA, fuq https://echa.europa.eu/reach-2018.