L-umani għandhom joqogħdu attenti meta jkollhom relazzjoni intima mar-robots. Din it-twissija waslet fid-dawl li qed tavvanza t-teknoloġija f’robots li jixbħu lil bniedem u li jintużaw għal skop ta’ sess.
Esperti ddiskutew is-suġġett waqt konferenza internazzjoanli bl-isem ‘Human Choice and Computers’. Hawn esploraw l-intimità u anke livell oltre: il-possibiltà li persuni umani jsiru jħobbu lir-robots.
Dr Kathleen Richardson, esperta fir-riċerka, qalet li l-ikbar problema hi li l-umani għandhom bżonnijiet kumplessi, li diffiċli jkunu moqdija minn oġġett bħal robot. Wieħed mill-ewwel impatti tar-robots tas-sess ikun aktar iżolament għal ċertu umani, li jibdew iħossu li m’għandhomx aktar bżonn il-kuntatt uman.
Il-moħħ wara l-“Campaign Against Sex Robots”, Dr Richardson tinsisti li huwa impossibbli jkollok relazzjoni sodisfaċenti ma’ robot.
Oħrajn imeruha. Il-Professur Chalres Ess mill-Università ta’ Oslo qal li għoxrin sena oħra, jaf tkun ħaġa komuni li wieħed ikollu sex bot. Jemmen li se jkun hemm numru ta’ ċirkostanzi meta dawn se jkunu aċċettati bħala xi ħaġa normali – anzi, jkunu ta’ ġid għall-bniedem u jservu ta’ terapija.