Is-servizzi tal-IVF se jibdew jingħataw fil-privat bl-ispejjeż kollha se jħallashom il-Gvern. Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt intervista mill-aktar interessanti f’Ħal Għargħur.
Dan bħala parti mill-attivitajiet tal-Partit Laburista, bħala parti mill-kampanja elettorali b’rabta mal-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
F’din l-attività, il-Prim Ministru, fost affarijiet oħra, tkellem dwar il-miżuri li ħa dan il-Gvern b’rabta mal-koppji li kellhom diffikultà li jkollhom tarbija. Il-Prim Ministru qal li l-miżuri li diġa ttieħdu b’rabta mal-IVF kienu parti mill-wegħdi tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u din il-miżura twettqet mal-ewwel mitt jum minn meta dan il-Gvern ħa t-tmun f’idejh.
Hawnhekk il-Prim Ministru ħabbar li s-servizz tal-IVF se jkunu jistgħu jibdew jittieħdu mill-isptarijiet privati, imma l-ispejjeż kemm tal-mediċini u dak kollu li jiġi mas-servizz tal-IVF, se jkun qed jieħu ħsiebu l-Gvern.
“Hemm din is-sħubija ġdida mas-settur privat biex is-servizz tal-IVF ikun jista’ jingħata mis-settur privat. Dik il-lista ta’ stennija trid titqaċċat, u sejra titqaċċat, naturalment, l-ispiża se jkun qiegħed iħallasha l-Gvern.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela tkellem ukoll dwar il-miżura tal-equal pay for equal work u spjega fid-dettall xi jfisser dan il-kunċett ta’ din il-miżura u tenna li, b’din il-miżura, dan il-Gvern sema’ l-karba tan-nies.
“Għall-ewwel darba f’dan il-pajjiż, iva l-wegħda tal-equal pay for equal work issa se nittrasformawha għas-settur privat. Dik ix-xewqa fis-settur privat li ilhom ikellmuna, kunu Gvern Soċjalista li jkollu l-kuraġġ li jindirizzaja. Ija smajna l-għajta tagħkom, smajna l-karba tagħkom u sodisfatt li dik il-wegħda se nkunu qed nindirizzawha wkoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
F’din l-intervista, il-Prim Ministru tkellem dwar il-messaġġ perikoluż li qed jgħaddi l-Kap tal-Oppożizzjoni u hawn hu għamel dan il-messaġġ, favur il-kalma.
“Nistieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni jibdel it-ton tiegħu, li jibdel, il-poplu qed juri b’mod ċar xi jrid u għalhekk ukoll fit-8 ta’ Ġunju, l-importanza tal-vot ta’ kull wieħed u waħda minnkom li l-poplu fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew jibgħat messaġġ b’saħħtu lil dawk kollha li qed jipprovaw idaħħlu l-mibegħda fost dan il-poplu. Li l-poplu dak l-istil ta’ politika t’għexieren ta’ snin ilu ma jridhiex iżjed u wriena f’dan l-aħħar snin irid politika ta’ għaqda nazzjonali u dik ir-responsabilità li għandna fuqna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela