Ftehim ġdid se jkun qed iwassal biex il-bdiewa lokali jiġu pprovduti b’servizzi ta’ informazzjoni fis-swieq tal-Pitkali f’Ta’ Qali. Dan hekk kif ġie ffirmat ftehim bejn l-Awtorità tal-Artijiet u Ministeru tal-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.
Permezz ta’ dan il-ftehim, se tiġi offruta għajnuna mill-uffiċċju tal-AgriConnect f’Ta’ Qali biex dawk li għandhom bżonn is-servizzi tal-Awtorità tal-Artijiet jinqdew mill-Pitkalija stess mingħajr il-bżonn li jżuru l-uffiċċju tagħha fil-Baviera, il-Belt.
Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li l-għan ewlieni ta’ dan il-ftehim hu li jintlaħqu aktar bdiewa u raħħala u b’hekk jitwasslu s-servizzi tal-awtorità b’aktar konvenjenza u kumdità.
Il-Ministru spjega kif fost dawn is-servizzi, l-Awtorità se tkun qed toffri informazzjoni dwar milì ta’ applikazzjonijiet, mistoqsijiet dwar ċens jew qbiela u għajnuniet oħrajn li jafu jiġu bżonn l-istess bdiewa u raħħala.
“Bil-ftehim li ġie ffirmat bejn AgriConnect u l-Awtorità tal-Artijiet, se nestendu s-servizzi tal-artijiet u nagħmluhom eqreb li huma involuti fil-biedja. B’hekk ikun hemm aktar aċċessibiltà għas-servizzi tal-Awtorità tal-Artijiet u aktar faċilità biex wieħed jaċċessahom.”
Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, saħaq li, permezz ta’ dan il-ftehim importanti mal-Awtorità tal-Artijiet, il-Gvern qed jara li jkompli jiffaċilita bl-aħjar mod ħidmet il-bdiewa Maltin u Għawdxin biex dawn jiġu offruti l-aħjar servizzi mingħajr ebda intoppi żejda.
“Il-bdiewa u r-raħħala jinsistu l-ewwel nett għall-aċċessibiltà tal-fondi u t-tieni nett is-simplifikazzjoni tal-fondi. Permezz ta’ dan il-ftehim se nkunu qed nagħmlu proprju dan.”
Fost l-applikazzjonijiet li tipproċessa l-Awtorità tal-Artijiet hemm dawk fuq trasferiment ta’ art agrikola, applikazzjonijiet fuq artijiet agrikoli li bħalissa qed jintużaw bħala barrieri u applikazzjoni fuq ċnus li skadew jew li waslu biex jiskadu, fost oħrajn.
Dan is-servizz se jkun qiegħed jingħata b’appuntament billi wieħed iċempel l-Hub tal-AgriConnect fuq 21804981/2/4.