Dawk kollha li kienu qed jagħmlu użu mis-servizzi taċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat issa jistgħu jinqdew miċ-Ċentri tas-Saħħa ta’ Ħal Qormi u ta’ Birkirkara.
Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, waqt li, fil-Parlament wieġeb lid-Deputat Ian Vassallo dwar ir-rilokazzjoni ta’ servizzi offruti miċ-Ċentru tas-Saħħa fir-Rabat.
Il-Ministru Abela ta elenku ta’ kif ġew imqassmin tali servizzi biex ikun hemm kontinwità għall-pazjenti.
Fil-fatt, skont lista dettaljata ppreżentata fil-Parlament, pazjenti jistgħu jinqdew miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara għall-appuntamenti għall-klinika tad-dijabete, tal-podjatrija u tal-port-a-cath.
Min-naħa l-oħra, fiċ-Ċentru tas-Saħħa f’Ħal Qormi se jingħataw is-servizzi bl-appuntament għall-klinika tat-tfal, il-konsulent tal-mediċina, it-tilqim, għan-newroloġija, sports medicine, l-ECG, il-klinika tal-feriti, tal-widnejn, tal-lingwa mitkellma, għad-dietician u għall-INR point of care.
It-teħid tad-dmijja baqa’ jsir minn parti apposta fi ħdan iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat, li mhix affettwata mix-xogħlijiet.