Daqqa ta’ pinna mill-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, u oħra minn rappreżentanta ta’ SOS Malta, se jissarrfu f’servizzi ta’ customer care fuq bażi volontarja fiċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Kura Primarja madwar il-pajjiż.
L-għan ewlieni huwa li l-pazjenti u qrabathom jingħataw għajnuna li tmur lil’hinn minn dik medika, fi żminijiet li jistgħu jkunu l-aktar diffiċli għalihom.
Is-servizzi; li jinkludu preparazzjoni ta’ tè u kafè, tqassim ta’ kotba permezz ta’ librerija mobbli, u xogħol klerikali mal-infermiera, diġà jingħataw fl-Isptar Mater Dei, però nħass il-bżonn li dan is-servizz ikun estiż ukoll fiċ-Ċentri tas-Saħħa.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Kura tas-Saħħa Primarja, Roseanne Camilleri, spjegat kif bis-sehem ta’ dawn il-voluntiera, il-professjonisti mediċi jkunu jistgħu jiffukaw aktar fuq il-kura medika li tingħata lill-pazjent.
Aktar minn kollox dan huwa xogħol ta’ sodisfazzjon għall-voluntiera nfushom; kif tixhed Anna Cavalloro, li ilha voluntiera ma’ SOS Malta għal dawn l-aħħar seba’ snin.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne rrikonoxxa l-irwol importanti u kruċjali li l-għexieren ta’ voluntiera jagħtu kuljum fl-Isptar Mater Dei; li bejniethom joffru tlett elef siegħa kull xahar.
Innota b’sodisfazzjon li issa, il-mod professjonali li bih jaħdmu dawn il-persuni, se jinfirex ukoll fiċ-Ċentri tas-Saħħa; b’dak tal-Furjana jkun l-ewwel wieħed li se jgawdi minn dawn is-servizzi.
Ċentru li ta’ kuljum jużawh mas-seba’ mitt pazjent, u l-ħsieb huwa li s-servizzi jinfirxu fiċ-Ċentri ta’ Raħal Ġdid u tal-Mosta.
Il-Furjana huwa l-ikbar ċentru tas-saħħa, ikun hawn madwar 200,000 pazjent fis-sena li jgħaddu minn dan iċ-ċentru. La jiftaħ Ħal Kirkop madwar erba’ xhur oħra x-xogħol hawnhekk ħa jonqos imma xorta ħa jkun ċentru busy. Ladarba s-servizz tal-volontarjat ikun qabad hawnhekk, se nestenduh anki f’ċentri tas-saħħa oħra.