Servizzi relatati ma’ garanziji bankarji fi proġetti ta’ kostruzzjoni se jibdew jiġu offruti minn Għawdex.
Il-garanziji bankarji li joħorġu mir-regolamenti preżenti dwar l-Evitar ta’ Ħsara fuq Proprjetà ta’ Terzi Persuni, se jibdew jintlaqgħu u joħorġu mill-gżira tat-tliet għoljiet.
Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li din kienet sena mżewqa b’bosta riformi importanti f’kull qasam, b’mod speċjali dak tal-bini u kostruzzjoni. Huwa sostna: “Bla dubju ta’ xejn, ir-riformi ma jiqfux hawn jiġifieri fadal ħafna xi jsir, fl-istess ħin li niżguraw li waqt li wieħed iħossu seren fil-kumdità ta’ daru meta maġenbu għaddej sit ta’ kostruzzjoni, naraw li ma noħonqux din l-industrija li tant toħloq xogħol u ġid fil-pajjiż kollu.”
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li b’dan is-servizz qed tiżdied l-effiċjenza, jonqos l-iskariġġ, u ma jkunx hemm bżonn li persuna tippjana meta tista’ taqsam il-fliegu. Hija qalet li“Biż-żieda tas-servizzi, is-settur tal-bini f’Għawdex ikun jista’ jikber, ikun jista’ javvanza, u nkunu nistgħu nindirizzaw l-isfidi u l-problemi iktar b’mod immedjat.”
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li l-Gvern qed jissokta bil-fatti fit-twettiq tal-wegħdiet tiegħu li jnaqqas il-burokrazija għall-Għawdxin, fl-istess waqt li jirregola b’aktar effiċjenza s-siti tal-kostruzzjoni f’pajjiżna.
L-Onor Agius stqarr: “Matul ix-xhur li għaddew, tħejja abbozz sabiex titwaqqaf awtorità mill-qasam tal-bini u kostruzzjoni. Fiż-żmien li ġej din se tkun qed toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika u nħarsu ’l quddiem biex tkun tista’ tidħol fis-seħħ u ssir liġi.”
Dan is-servizz se jibda jingħata mit-Tnejn ta’ Jannar li ġej, mill-uffiċini tal-Awtorità tal-Ippjanar darbtejn fil-ġimgħa kull nhar ta’ Tlieta u Ħamis bejn it-8:00 ta’ filgħodu u 12:00.
Ritratti: MGOZ