Hekk kif nhar il-Ħamis li ġej jibdew l-għaxart ijiem ta’ attivitajiet tat-29 edizzjoni tal-EuroPride Valletta 2023, se jkunu disponibbli numru ta’ servizzi psikoloġiċi u soċjali għal min jeħtieġihom.
Din il-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond u r-Rainbow Support Service, l-MGRM se toffri servizzi lil persuni li jkollhom bżonn appoġġ psikoloġiku jew minn social workers, fil-EuroPride Village li se jitwaqqaf fi Pjazza Tritoni.
F’laqgħa bejn is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, il-kordinatur tar-Rainbow Support Service, Colette Farrugia Bennett, u l-Aġent Kap Eżekuttiv tar-Richmond, Daniela Calleja Bitar, intqal li dawn is-servizzi huma meħtieġa, speċjalment għal persuni li jkunu għadhom qed jistabbilixxu l-identità tagħhom.
Farrugia Bennett elenkat kif persuni LGBTIQ+ huma aktar esposti għal sfidi ta’ saħħa mentali hekk kif huma parti minn minoranza u għadhom ibatu minn stigma soċjali.
Qalet, “Il-membri fil-komunità tagħna huma aktar suxxettibbli għal diffikultajiet ta’ saħħa mentali kif ukoll esperjenzi varji fil-ħajja tagħhom, li jista’ jkun jikkontribwixxu għal esperjenza forsi xi ftit overwhelming.”
Żiedet tgħid li għalkemm lokalment imxejna ’l quddiem, b’referenza għall-kisba ta’ drittijiet ċivili fl-aħħar snin, fadal diversi sfidi li għad iridu jiġu indirizzati u l-EuroPride tista’ tkun il-post fejn isir dan.
Calleja Bitar appellat għas-sensittività minn kulħadd lejn persuni LGBTIQ+.
Qalet, “Ir-Richmond tħoss li hi importanti ħafna li n-nies ikunu jafu li r-Richmond qiegħda hemm għalihom. Li ma niddiskriminaw kontra ħadd. Anzi qegħdin hemm biex nissapportjaw lil kulħadd, ma niġġudikaw lil ħadd, importanti għalina li n-nies, minn kull fejn ġejjin, ikunu jafu li hemm xi ħadd hemmhekk għalihom jekk ikollhom bżonn.”
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg esprimiet id-dispjaċir tagħha dwar ideat żbaljati dwar il-komunità LGBTIQ+, sforz il-preġudizzji, filwaqt li tenniet il-bżonn ta’ aktar edukazzjoni.
Qalet, “Dan is-servizz hu kruċjali ħafna. Se jkun qed jingħata matul l-għaxart ijiem tal-Pride. Mhux biss bi preżenza fiżika u waqt l-attivitajiet li se jkunu qed iseħħu fil-Pride Village u anke l-madwar, iżda wkoll online, fejn se nkunu qed nassiguraw li s-servizz ikun aċċessibbli, għax nemmnu bis-sħiħ li s-servizz t’appoġġ għandu jkun aċċessibbli bl-aktar mod effiċjenti ħalli nassiguraw li kull min ikollu bżonn, jingħata dak is-servizz.”