Fl-2023, iktar minn 100 persuna fil-komunità u madwar 1,000 resident fid-djar tal-anzjani bbenefikaw minn servizz ta’ nutrizzjoni pprovdut mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità. Dan is-servizz issa qed jiġi estiż lejn iċ-Ċentri tal-Anzjanità Attiva kollha.
Dan tħabbar waqt żjara li s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea għamel fiċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva f’Ħad-Dingli, ċentru li se jkun qed jibbenefika wkoll minn dan is-servizz.
Permezz ta’ dan is-servizz, id-dijetisti tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jfasslu programmi ta’ nutrizzjoni li jilħqu l-ħtiġijiet u l-għanijiet uniċi ta’ kull individwu. Dawn ser jipprovdu wkoll gwida professjonali bħal f’każ li jkun hemm kundizzjonijiet kroniċi.
Is-Segretarju Parlamentari Agius Galea saħaq li dieta adegwata tipprevjeni jew tnaqqas il-malnutrizzjoni u l-mard kroniku relatat mal-età, bħall-osteoporożi, pressjoni għolja, mard tal-qalb, dijabete tat-tip tnejn, u ċertu kanċers.
Tenna wkoll l li dieta bilanċjata tagħti lill-anzjani l-enerġija meħtieġa għal ħajja attiva u tgħin ukoll biex jikkontrollaw l-piż tagħhom.
Qal, “Ninsabu fiċ-ċentru tal-anzjanità attiva ta’ Ħad Dingli, ċentru attiv ħafna, u komplejna noffru aktar servizzi, dak ta’ dietitian li qed jgħinu dawn il-persuni tagħna jieklu kif suppost sabiex jikkontrollaw anke l-mard tagħhom aħjar. Servizz utli ħafna u nħares ‘il quddiem biex dawn is-servizzi jiżdiedu madwar il-pajjiż kollu ħalli fl-istess waqt inkomplu nżidu u nsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna.”