Ftit tal-mumenti ilu ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali u Caritas Malta biex jidħlu fis-seħħ numru ta’ servizzi fis-settur tal-kura u rijabilitazzjoni mill-alkoħol u d-droga u dipendenzi oħra.
Dan il-ftehim se jkun qiegħed jiġi ffirmat għat-tliet snin li ġejjin fejn bis-saħħa ta’ dan il-Public Social Partnership se jkun imsaħħaħ ix-xogħol u l-kooperazzjoni bejn il-Caritas u l-Gvern.
Il-ftehim se jkun qed jikkonsolida s-servizzi diġà eżistenti li qed tagħti l-Caritas u bi pjaċir inħabbar illi se jigu introdotti ghal-ewwel darba numru ta’ servizzi ġodda fil-kura u rijabilitazzjoni u tisħieħ tal-aftercare fis-settur tad-droga u l-alkoħol.
Wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru Michael Farrugia sellem lil Mons Victor Grech illi kien hu l-persuna li ġibed l-attenzjoni dwar il-problema tad-droga f’pajjiżna f’dak li għandu x’jaqsam ma’ persuni taħt it-18-il sena.
Sal-lum dan is-servizz għadu ma jingħatax b’mod komprensiv fit-totalità tiegħu – inkluż rijabilitazzjoni residenzjali.
Farrugia qal li bis-saħħa ta’ dan il-ftehim se nkunu qed naraw illi għall-ewwel darba se jingħata servizz residenzjali kif ukoll it-twaqqif ta’ secure unit għaż-żgħażagħ bil-vizzju tad-droga. Servizz illi ilu jintalab mill-ġudikatura għal snin twal.
Il-Ministeru flimkien mal-Caritas se tkun qed toffri servizzi għaż-żgħażagħ bi ‘dual diagnosis,’ jiġifieri ma’ dawk li ma jkollhomx biss problema ta’ droga iżda jkollhom ukoll problema mentali.
Il-Ministru Farrugia qal li fi żmien li ġej ħaddiema mill-Caritas u mid-dekasteru tiegħu se jkunu qegħdin imorru barra minn Malta biex jevalvaw ix-xogħol preparatorju li sar lokalment flimkien ma’ dak internazzjonali.