Sal-aħħar tas-sena d-dieħla f’kull berġa u ċentru tas-saħħa se jkun hemm fis-seħħ sistema elettronika li permezz tagħha s-servizz mediku lill-pazjent ikompli jkun issimplifikat peress li l-aċċess għar-rekords ta’ kull pazjent individwali jkun aktar faċli u mħaffef.
Dan stqarru d-Deputat Prim Ministru waqt li inawgura l-berġa’ taż-Żejtun b’investiment ta’ €60,000 mill-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Soċjali.
Il-berġa taż-Żejtun se tkun qed toffri servizzi li jestendu lil hinn minn dawk tradizzjonali ta’ tabib tal-familja u infermier, u se jkunu miftuħa mhux biss għaż-Żwieten iżda anke għal residenti f’lokalitajiet ta’ madwar iż-Żejtun.
Fost dawn hemm tal-fiżjoterapija u l-podjatrija li se jkunu offruti fuq livell komunitarju għall-ewwel darba.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne spjega:” Mhux biss servizz ta’ tabib u ta’ nurse imma anke physiotherapy, ta’ podiatry u ta’ speech language pathology.”
Il-Ministru Fearne spjega li t-testijiet inizzjali ta’ fiżjoterapija se jsiru ġol-Berġa stess, u se jħaffu ż-żmien ta’ stennija.
Il-Ministru Fearne qal li s-servizzi li se jkunu provduti minn din il-Berġa qegħdin jixprunaw bidla biex is-servizzi jkomplu jitressqu aktar qrib lejn ir-residenti fil-komunità.
“Aħna qegħdin inżommu mal-wegħda tagħna li fuq medda ta’ 3 snin niftħu ċentru komunitarju għas-saħħa ġo kull belt jew raħal. Prattikament ikollna ċentru bħal dan għal kull 5,000 ċittadin ġo Malta u Għawdex,” sostna d-Deputat Prim Ministru Fearne.
Minbarra li tiżdied il-kumdità u l-effiċjenza, il-Ministru qal li b’servizz eqreb wieħed ikun jista jagħraf aktar fil-ħin xi ħaġa mhux f’lokha fis-saħħa tal-bniedem.
Bħala parti minn pjan, fuq medda ta’ tliet snin, fil-pajjiż mistenni jkun hawn berġa tas-saħħa għal kull 5,000 ruħ, prattikament berġa f’kull belt u raħal.