Ġie ppubblikat dokument internament lill-membri u ħaddiema tal-Korp tal-Pulizija b’informazzjoni u gwida ta’ kif jistgħu jsaħħu s-saħħa fiżika u mentali tagħhom, b’diversi servizzi li qed joffri l-Korp lill-uffiċjali.
Dan id-dokument għandu l-għan li jixpruna l-kultura li wara kull uffiċjal hemm ħajja ta’ bniedem li tista’ tkun milquta minn diversi sitwazzjonijiet trawmatiċi li jiltaqa’ magħhom Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
L-Ispettur Matthew Attard spjega kif dan id-dokument huwa parti mill-ħidma li qed issir bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija ta’ trasformazzjoni tal-Korp sas-sena elfejn u ħamsa u għoxrin.
Qal, “Pulizija barra l-ħin tax-xogħol tiegħu għandu l-problemi tiegħu personali wkoll bħal kull persuna oħra u aħna qed nibnu dit-tip ta’ kultura fejn qed nagħtu taħriġ lil kull membru tal-Korp, anki dawk fl-ogħla ranks, biex jagħrfu dawn in-nies meta jkollhom bżonn l-għajnuna, jibdew jagħrfu ċertu sinjali u ngħinuhom biex noffrulhom din l-għajnuna anki b’mod kunfidenzjali, flimkien ma’ stakeholders importanti bħall-Employment Support Programme u mad-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa.”
L-Ispettur spjega kif f’ċertu każijiet trawmatiċi, il-Pulizija diġà għandha servizzi ta’ għajnuna għall-vittmi, iżda issa dawn is-servizzi ġew estiżi wkoll għall-uffiċjali tal-Pulizija.
Spjega, “Dawk li jkunu nvoluti f’inċidenti fatali, inċidenti li jinvolvu t-tfal, imwiet tat-tfal – dawn jistgħu jħallu aspett trawmatiku u stress fuq il-Pulizija li jġorru miegħu d-dar jew li jġorru miegħu x-xogħol, l-għada, il-pitgħada u l-ġimgħat ta’ wara, u dawn qed nagħmlu outreach qed nistaqsuhom b’mod kunfidenzjali jekk jixtiqux imorru għal servizzi psikoloġiċi li qed noffru biex dawn jirriflettu bl-għajnuna li jingħataw u ovvjament jitjieb is-servizz.”
Aktar minn kollox, dawn is-servizzi qed jgħinu biex ikissru l-istigma li teżisti dwar is-saħħa mentali.
L-Ispettur temm jgħid li dan huwa biss il-bidu tal-implimentazzjoni ta’ strateġija ambizzjuża; li hija miftuħa għall-bidliet id f’id ma’ kif jinbidlu ż-żminijiet tul is-snin.
Qal, “Hija strateġija ambizzjuża ħafna sal-2025 però aħna committed li dan huwa l-bidu ta’ dan id-dokument li ħa jibqa’ ħaj u matul is-snin nibqgħu nsaħħu l-wellbeing tal-Pulizija.”