Waqt żjara li għamel fl-Isptar Monte Carmeli, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li, fis-saħħa mentali, il-Gvern saħħaħ u se jkompli jsaħħaħ is-servizzi fil-komunità, biex kulħadd jingħata s-sapport li jeħtieġ f’ambjent li jixbah aktar dak tad-dar milli dak ta’ sptar. Permezz ta’ din il-politika qed titnaqqas l-istigma assoċjata mal-fatt li persuna tfittex l-għajnuna meta meħtieġ.
F’din iż-żjara, Dr Abela kellu diskussjoni mat-tmexxija u mal-ħaddiema tal-istess sptar fejn ġiet diskussa l-viżjoni għall-kura tas-saħħa mentali f’pajjiżna.
Hawnhekk il-Prim Ministru żar, fost oħrajn, is-Sala Maria Sciberras, li tilqa’ fiha pazjenti nisa, li għandhom sfidi ta’ saħħa mentali u l-vizzju tad-droga. Ġie spjegat kif din is-sala ġiet iddisinjata b’tali mod li l-pazjenti ma jistgħux iweġġgħu lilhom infushom jew lil xulxin. Intqal kif il-kura, li qed tingħata, tipprepara lill-pazjenti dejjem aktar biex ikunu jistgħu jerġgħu jgħixu b’mod indipendenti.
Il-Prim Ministru tenna kif proġetti bħal dawn jagħtu l-ħajja l-istrateġija nazzjonali għas-saħħa mentali li, fost oħrajn, tiffoka fuq it-tisħiħ tal-infrastruttura f’dan il-qasam. Din l-istrateġija titkellem ukoll dwar trattament li jingħata fil-komunità.
Waqt li laqgħet l-impenn tal-Prim Ministru u l-Gvern immexxi minnu, il-Principal Social Worker Miriam Agius ukoll irreferiet kif l-Isptar Monte Carmeli gawda minn għadd ta’ investimenti fl-aħħar żminijiet.
Dr Abela żar ukoll investiment, li sar mill-Gvern, ta’ Dar Sebħ Ġdid. Din hi halfway house li tilqa’ pazjenti li, wara li jirċievu l-kura fl-isptar, jingħataw l-opportunità li jintegraw irwieħhom lura fis-soċjetà. Hawnhekk, il-pazjenti jistgħu jgħixu normali, f’ambjent ta’ dar, taħt is-sorveljanza ta’ staff professjonali.
Dan is-servizz mhux uniku hekk kif hemm dak tal-Crisis Resolution Home Treatment, fejn persuna tiġi riferuta minn psikjatra f’Mater Dei għand tim ta’ infermieri u psikjatri fil-komunità. Liema servizz, fil-prattika, fisser li mas-700 pazjent li użaw dan is-servizz jew 93% tal-każi, ingħataw l-għajnuna meħtieġa, mingħajr ma kellhom għalfejn jiddaħħlu l-Isptar Monte Carmeli.
Dan anke mas-servizz ta’ helpline 1579, li jirċievi medja ta’ seba’ mitt telefonata fix-xahar.
Il-Prim Ministru tkellem kif is-settur tas-saħħa mentali, dejjem bid-djalogu ma’ dawk li jħaddmu s-servizzi ta’ kuljum, din it-tip ta’ kura qed jinżammu fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni.
Minn proġett infrastrutturali, li d-disinn tiegħu qed ikun maħsub biex joffri kura speċjalizzata, għall-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda li dejjem qed jagħmlu l-għajnuna iżjed aċċessibbli u li ssibha ftit bogħod minn darek għal titjib ieħor li anke jekk jaffettwa persuna waħda qed jitwettaq biex verament issir differenza.
Iż-żjara tal-Prim Ministru kompliet fl-Outpatients Clinic il-ġdid, li fih qed jingħataw is-servizzi taċ-Ċentru Tommaso Chetcuti, li x-xogħlijiet fuqu huma parti mill-modernizzazzjoni tal-Isptar Monte Karmeli. Din tinkludi tliet kmamar ta’ konsultazzjoni, faċilità ta’ trattament u spazji anċillari.
Proġett ieħor li jingħaqad ma’ lista ta’ proġetti oħrajn li għaddejja l-ħidma fuqhom, fosthom dik li se twassal biex spazju abbandunat jinbidel fi ġnien rikreattiv għal pazjenti minorenni, fost oħrajn.
Fiż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela.