L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta se tkun qiegħda tamministra ċ-ċentru Europe Direct sas-sena elfejn u ħamsa u għoxrin.
Il-Ministru fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela sostna kif dan l-uffiċċju jaqdi irwol ta’ pont bejn iċ-ċittadin u l-Unjoni Ewropea.
Qal, “Europe Direct huwa uffiċċju li huwa amministrat minn din l-aġenzija li propju jiffoka l-aktar fuq l-informazzjoni ta’ natura ġenerali kif ukoll konsultazzjoni wiesa’ fuq direttivi u liġijiet li l-Unjoni Ewropea tkun qed tiddiskuti anke biex ikunu jistgħu isiru parti mir-reġim leġiżlattiv tagħhom.”
Intant, il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon qalet li skont l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru, il-Maltin għad għandhom fiduċja fl-Unjoni Ewropea, ferm iżjed minn popli Ewropej oħra.
Qalet li l-uffiċċju li tmexxi jgħin biex l-għaqdiet jiksbu l-fondi Ewropej.
Spjegat, “Permezz ta’ Europe Direct li aħna parti min-network sħiħ Ewropew madwar il-kontinent, inkunu nistgħu inkomplu naqdu l-funzjonijiet tagħna u nikkumplimentaw is-servizzi li diġà noffru fejn jidħol informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u anke assistenza fejn jidħlu fondi Ewropej kif ukoll meta wieħed ikun qed jimplimenta proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea.”