L-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta għaddejja minn proċess ta’ simplifikazzjoni sabiex tgħin u tassisti lil individwi jew entitajiet meta japplikaw għal fondi Ewropej.
Fl-istess ġimgħa li fiha l-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Kummissarju Ewropew Elisa Ferreira, nedew il-programmi operattivi ta’ fondi Ewropej li jammontaw għal €2.2 biljun, ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta, Mandy Falzon, dwar l-irwol usa’ li issa għandha din l-aġenzija.
“L-irwol tagħna se jkun, l-ewwel nett, illi nagħtu informazzjoni dwar x’inhuma l-opportunitajiet, jiġifieri b’mod tanġibbli kif se jkunu jistgħu jgħinu lill-entitajiet diversi u anki lill-individwi, u allura hemmhekk aħna niltaqgħu mal-organizzazzjonijiet, nifhmu x’inhuma l-ideat li wieħed għandu u naraw liema huma l-aħjar fondi biex jistgħu jwettqu dawn l-ideat u jittrasformawhom fi proġetti.”
Mandy Falzon qalet li l-aġenzija SEM tiffaċilta l-proċess meta wieħed ikun qiegħed japplika għal fondi Ewropew, sabiex kulħadd ikun jista’ jaċċessa dawn il-fondi.
“Aħna hemmhekk qed nagħtu l-għajnuna tagħna. Minn wara li tħabbar dan il-pakkett il-ġdid, Servizzi Ewropej f’Malta se tkun qed tgħin anki fejn jidħlu, eżempju, bdiewa, sajjieda, u anki intrapriżi żgħar u medji biex noffru dan is-servizz, fejn se ngħinu f’dan il-proċess meta wieħed ikun qed jagħmel l-applikazzjoni tiegħu, id-dokumenti neċessarji biex wieħed jippreżenta meta wieħed qed japplika għal dawn il-fondi.”
Il-Kap Ezekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta qalet li l-aġenzija se tkompli tgħin meta l-proġett ta’ individwu jew entità jintagħżel u jieħu l-fondi.
“Hemmhekk nagħtu għajnuna, pariri, tista’ tgħid, ta’ kif wieħed jimplimenta l-proġett, jimplimentah bl-aħjar mod possibbli, li wieħed ikun mar-regoli li jirrikjedu dawn it-tip ta’ fondi, imma fl-aħħar mill-aħħar biex nagħmlu dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea iktar aċċessibbli għan-nies.”
Waqt it-tnedija tal-programmi operattivi li ġejjin minn fondi Ewropej tħabbar is-sit fondi.eu, li huwa sit minn fejn wieħed jista’ jidentifika x’fondi jista’ japplika għalihom.