F’pass ieħor lejn sistema ġudizzjarja aktar umana u sensittiva, l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Vittmi tal-Kriminalità, l-VSA, nediet żewġ servizzi ġodda li jindirizzaw waħda mill-akbar sfidi prattiċi li jiffaċċjaw il-vittmi: x’jiġri mill-maħbubin tagħhom meta jkollhom jixhdu fil-Qorti?
Minn issa ’l quddiem, il-ġenituri bi tfal taħt it-tliet snin jistgħu jużaw servizz ta’ childcare b’xejn f’erba’ ċentri madwar Malta u Għawdex, inkluż f’Santa Venera, l-Imrieħel u l-Għarb.
Dan is-servizz se jkun offrut lil ommijiet jew missirijiet, li huma klijenti tal-aġenzija u jkun attivat permezz ta’ notifika qabel id-data tax-xhieda.

Min-naħa l-oħra, il-vittmi li jieħdu ħsieb anzjani, persuni b’diżabilità jew dipendenti vulnerabbli, jistgħu japplikaw biex carer ċertifikat imur fir-residenza tagħhom waqt li jkunu l-Qorti.
Dan is-servizz ukoll se jingħata b’xejn u jkopri l-ħin qabel u wara x-xhieda.
Il-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri, tenna li dawn is-servizzi huma parti minn viżjoni li tpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru. Hu fakkar li, sa minn meta twaqqfet l-aġenzija fl-2020, diġà għenet aktar minn 4,000 persuna.
“Qed naraw li verament nassistu u nkunu viċin il-vittmi fis-soċjetà tagħna u naraw li ma jkunux vittmi għat-tieni darba.”
BYRON CAMILLERI
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Brian Farrugia, żied li dawn l-inizjattivi huma mfasslin skont il-ħtiġijiet reali tal-vittmi, biex iħossuhom siguri u jistgħu jgħidu x’ġara b’mod seren u ċar, għax ix-xhieda tagħhom hi kruċjali biex issir ġustizzja vera.
“Ħa jkollna persuni li huma vittmi mitluba li jixhdu l-Qorti, se jkollhom is-servizz ta’ childcare offrut mill-aġenzija għal etajiet żgħar, filwaqt li se jkollna carers li se jkunu disponibbli fid-djar ta’ min għandu bżonn is-servizz sakemm jagħtu xhieda tagħhom fil-Qorti.”
BRIAN FARRUGIA
Is-servizzi l-ġodda jikkumplimentaw l-għodod diġà eżistenti, li toffri l-aġenzija, fosthom linja ta’ appoġġ miftuħa 24 siegħa kuljum, servizzi ta’ parir legali u appoġġ emozzjonali minn professjonisti, akkumpanjament fiżiku għall-vittmi meta jmorru l-Qorti u l-aġġornamenti dwar il-każ.
Minbarra hekk, il-liġi l-ġdida f’Malta tippermetti lil persuna f’relazzjoni intima li tapplika biex tiċċekkja jekk is-sieħeb tagħha għandux storja ta’ vjolenza domestika.
Miżura importanti biex il-prevenzjoni tkun aktar effettiva.
