19-il bajja fil-gżejjer Maltin minn dan tmiem il-ġimgħa bdew jaraw is-servizz ta’ lifeguards offrut mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.
Dan qed isir b’investiment ta’ madwar €900,000 fi tnax-il bajja f’Malta, ħamsa f’Għawdex u tnejn f’Kemmuna.
Fost il-bajjiet f’Malta b’lifeguard hemm dawk tal-Għadira, Golden Sands u l-bajja ta’ San Ġorġ, filwaqt li f’Għawdex is-servizz huwa offrut fost oħrajn fir-Ramla l-Ħamra u Ħondoq ir-Rummien.
F’Kemmuna s-servizz ta’ lifeguard jinsab fil-bajjiet ta’ Blue Lagoon u l-Bajja ta’ Santa Marija.
Meta nediet is-servizz f’konferenza tal-aħbarijiet f’Wied iż-Żurrieq, il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli ħabbret li minn din is-sena se tiġi offruta wkoll klinika tal-ewwel għajnuna fl-istess bajja u f’Għar Lapsi, li se jitmexxew mis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar.
Is-servizz se jkun qed jinkludi wkoll numru ta’ rescue vans li jġorru l-lifeguards bħala back-up, hydro-ambulance u jet skis.
Dan se jikkumplimenta l-ħidma ta’ beach supervisors tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li kull sena jkunu fuq il-bajjiet biex jassiguraw li l-protokolli jkunu mħarsa.
Id-Direttur dwar l-Iżvilupp tal-Prodott fi ħdan l-Awtorità l-Perit Kevin Fsadni fakkar kif l-Awtorità ilha timmaniġġja l-bajjiet sa’ mill-2004 u element importanti ta’ dan l-immaniġġjar hu s-salvataġġ u l-ewwel għajnuna.
“L-MTA tonfoq mal-miljun ewro f’servizzi ta’ lifesaving madwar Malta, Għawdex u Kemmuna. Biex inkomplu nżidu das-servizz dis-sena għall-ewwel darba ddeċidejna li nestenduh.”
Il-Ministru Farrugia Portelli semmiet l-importanza li kull min se juża l-bajjiet għandu dritt li jkollu rasu mistrieħa huwa u jirrilassa.
“Minn din is-sena żidna 2 bajjiet oħra, dak ta’ Wied iż-Żurrieq u Għar Lapsi, fejn ser ikollna mobile clinic li ser tkun immexxija b’mod professjonali u tkun tista’ tkopri ż-żona tas-South kollha.”
Id-direttur tal-Operat Malta Red Cross Kevin Brincau esprima s-sodisfazzjon tiegħu li qed jiġi offrut dan is-servizz f’żewġ bajjiet oħra biex jassiguraw is-sigurtà.