Hekk kif propost permezz ta’ applikazzjoni li l-Kunsill Lokali ssottometta bħala parti mill-European Mobility week tas-snin imgħodijja, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla se jkun qed joffri servizz ta’ transport mingħajr ħlas lir-residenti anzjani u persuni b’diżabilità.
Madanakollu, kemm ‘il darba tinħass il-ħtieġa, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla, se jkun qed jikkunsidra l-possibilità li jestendi s-servizz lir-residenti kollha fil-lokalità. Se tkun qed tiġi evalwata wkoll il-possibilità li jinnegozzjaw mal-ibliet tal-Kottonera bil-għan li s-servizz ma jkunx disponibbli biss fil-konfini tal-lokalità iżda jinfirex għall-Kottonera kollha.
L-inizjattiva setgħet issir possibbli wara li b’konnessjoni ma’ żewġ applikazzjonijiet fis-snin 2014 u 2015, il-Kunsill Lokali ngħata s-somma ta’ €60,000 f’fondi mill-Ministeru għat-Trasport, Infrasturttura u Proġetti Kapitali. Sussegwentament, il-Kunsill Lokali ħareġ sejħa għall-offerta u xtara żewġ vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Sabiex inxtraw l-imsemmija vetturi, mal-fondi li ngħata l-Kunsill Lokali żied is-somma ta’ €12,000.
Minbarra li jgħin lill-anzjani u lill-persuni b’diżabilità fid-diffikultajiet ta’ mobilità, il-proġett għandu l-għan ewlieni li jnaqqas in-numru ta’ vetturi li jgħaddu miċ-ċentru ta’ Bormla u għandaqstant filwaqt li jnaqqas il-konġestjoni miż-żona jgħin sabiex jonqos it-tniġġis tal-arja u l-istorbju minn vetturi privati peress li l-vetturi li se jkunu qed jiġu wżati jaħdmu bl-elettriku.