Minn nhar it-Tnejn li ġej, persuni li għandhom aktar minn 60 sena u joqogħdu Ħal Tarxien se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn servizz ta’ trasport b’xejn li se jkun qed idur kull siegħa bejn Ħal Tarxien u Raħal Ġdid.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u s-Sindku ta’ Ħal Tarxien, Joseph Abela.
Dan is-servizz se jkun qed jopera mit-Tnejn sas-Sibt bejn is-7.00am u s-1.00pm, biex fost oħrajn, anzjani Tarxieniżi ikunu jistgħu jinqdew għal xi appuntamenti jew bżonnijiet f’Raħal Ġdid.
Apparti minn hekk, dan is-servizz qed jingħata permezz ta’ vann li jopera bl-elettriku u għalhekk mhux se jniġġes l-arja filwaqt li jnaqqas l-użu tal-karozzi.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li qed jassigura servizzi aħjar għall-komunità.
Min-naħa tiegħu, is-Sindku Abela, ħaġġeġ lir-residenti tal-lokal sabiex jagħmlu użu minn dan is-servizz b’xejn.