Wara li aktar minn 250 anzjan għamlu użu minn iktar minn 800 sessjoni ta’ psikoterapija fil-komunità, grazzi għal servizz offrut mill-entità
Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, dan is-servizz issa se jiġi ffukat aktar fuq anzjani li jormlu.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Hawnhekk ġie spjegat li dan is-servizz qiegħed jingħata primarjament fi kliniċi madwar Malta, fosthom f’Raħal Ġdid, Ħal Qormi, Birkirkara, iż-Żurrieq u l-Imtarfa.
Dan filwaqt li fi ftit ġimgħat oħra sejjer jiġi wkoll ipprovdut minn Dar Padova f’Għawdex, wara li jitlesta x-xogħol ta’ rinnovazzjoni li għaddej bħalissa.
It-terapija tista’ tiġi pprovduta wkoll onlajn jew fir-residenza tal-klijent f’każ ta’ problemi serji ta’ mobbiltà.
L-anzjani jistgħu jibbenefikaw kemm minn sessjonijiet individwali u anki minn sessjonijiet fi gruppi, skont il-ħtieġa.
F’kumment, il-Ministru Abela sostna li dan is-servizz ser jgħin sabiex jingħata l-appoġġ meħtieġ lill-persuna.
Għal aktar informazzjoni dwar dan is-servizz wieħed jista’ jċempel fuq 2278 8900 jew fuq 153. Wieħed jista’ wkoll jaċċessa s-sit elettroniku www.activeageing.gov.mt jew iżur iċ-Ċentru Servizz Anzjan ġewwa l-Belt Valletta.