Is-Segretarju Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Anthony Agius Decelis, indirizza l-ftuħ tal-Università tat-Tielet Età għal din is-sena akkademika.
Huwa sostna li waħda mill-aktar strateġiji ta’ suċċess fl-anzjanità attiva huwa t-tagħlim għall-adulti anzjani, u l-Università tat-Tielet Etàhija eżempju ħaj ta’ dan. L-Università tat-Tielet Età hija pedina ewlenija tal-Istrateġija Nazzjonali għal Anzjanità Attiva.
L-Università tat-Tielet Età tindirizza l-bżonnijiet intellettwali, emozzjonali, u fiżiċi, il-ħtiġijiet spiritwali, kif ukoll tipprovdi lil anzjani l-opportunità li jagħmlu l-ħajja tagħhom aktar produttiva u dinamika. Is-Segretarjat Parlamentari għal Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attivaser ikompli jsaħħaħ l-iżvilupp b’suċċess tal-Università tat-Tielet Età f’Malta biex din l-esperjenza tilħaq aktar lokalitajiet f’Malta.
Decelis ħabbar li s-Segretarjat ser jikkollabora mal-Università ta’ Malta biex jinfetaħ ċentru ġdid fis-sena tal-Università tat-Tielet Età. Dan għaliex il-Gvern jappoġġa aġenda għal parteċipazzjoni wiesgħa, li tħajjar parteċipanti varji. Dan l-iżvilupp ser jippermetti li ċittadini anzjani jiksbu livelli ogħla ta’ sodisfazzjon personali, ta’ ċittadinanza attiva, u t’inklużjoni soċjali. Iċ-ċentri ġodda ser jipprovdu opportunitajiet għal anzjani biex jimpenjaw ruħhom fl-esperjenzi ta’ tagħlim f’firxa wiesgħa ta’ suġġetti.
Is-Segretarju Parlamentari ħabbar wkoll li b’kollaborazzjoni mal-Università ta’ Malta ser jingħata servizz ta’ tagħlim lil dawk l-anzjani li mhumiex f’saħħithom u/jew ma joħorġux minn djarhom, u anzjani li jgħixu fi djar residenzjali jew nursing homes. Dawn il-persuni m’għandhomx ikunu esklużi minn opportunitajiet għal taħriġ tul il-ħajja.
Huwa fakkar li qatt mhu tard li titgħallem u rrikonoxxa ż-żieda fil-parteċipazzjoni fl-Università tat-Tielet Età u rringrazzja lil kull min jaħdem f’din l-Università biex ttindirizza l-bżonnijiet tal-anzjani, u tipprovdilhom opportunità li jagħmlu l-ħajja tagħhom aktar produttiva, dinamika, u ta’ kwalità.