Se jiżdiedu l-postijiet fejn tfal b’diżabilità jirċievu servizz speċjalizzat f’ambjent u faċilitajiet moderni, anke skont il-faxxa tal-età tagħhom.
Dan permezz ta’ investiment ta’ €1.6 miljun, għal servizz ta’ respite għal tfal b’diżabilità, waqt li l-qraba jkunu jistgħu jieħdu ħsieb impenji oħrajn.
Dar Santa Roża, li fetħet ftit tal-ġimgħat ilu, se tkun qed toffri dan is-servizz permezz ta’ ftehim bejn l-Aġenzija Sapport fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u ĦILA Homes Ltd.
L-iffirmar tal-ftehim bejn il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, u l-Kap Eżekuttiv ta’ ĦILA Homes Ltd, Janet Silvio, kien presedut mill-Ministru responsabbli Julia Farrugia Portelli.
Scicluna tkellem dwar l-importanza ta’ servizzi ta’ din ix-xorta, biex tfal b’diżabilità jidraw f’ambjenti indipendenti.
Qal, “Biex insaħħu s-servizz ta’ respite, din id-darba għal tfal b’diżabilità. Dan se jkun qed jgħin ovvjament lit-tfal mhux biss jidraw f’ambjenti indipendenti, imma lill-familji ikun qed jgħinhom biex għada pitgħada, dawn il-persuni b’diżabilità ma jkunux ta’ piż fuq il-familji.”
Dwar dan tkellmet ukoll il-Ministru Farrugia Portelli.
Qalet, “Fl-aħħar mill-aħħar, kull ġenitur, għandu l-bżonn li jerġa’ jiċċarġja lilu nnifsu u li jkollna servizz f’dan il-pajjiż li jħares lil tfal b’diżabilità hu ta’ importanza.”
Minkejja li s-servizz ta’ respite hu mmirat għal żmien limitat, is-servizz li jingħata jkun ippjanat biex jintlaħqu l-bżonnijiet skont il-livelli tad-dipendenza, dan minbarra s-servizzi offruti minn entitajiet u NGOs oħra f’Malta u Għawdex.