Tnieda s-servizz AgriConnect li huwa mmirat biex jagħti pariri u konsulenzi professjonali mingħajr ħlas lill-bdiewa u r-raħħala f’diversi aspetti li jolqtu l-qasam tal-agrikoltura. Dan is-servizz qed ikun provdut mill-Ministeru għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.
Malcolm Borg, il-Kordinatur tal-Għaqda Bdiewa Attivi rrikonoxxa dan is-servizz bħala pass fid-direzzjoni t-tajba.
Huwa spjega: “Ix-xjenzi agrarji huma xjenzi kumpassi ħafna u hemm bżonn li l-bdiewa u r-raħħala jiġu mgħejjuna fil-produzzjoni tagħhom bix jibqgħu aġġornati mal-affarijiet li jkunu qed jiġru mar-riċerka l-ġdida li tkun qiegħda tiġi użata minn bdiewa u raħħala barranin.”
Is-servizzi offruti huma mmirati biex jagħtu sostenn lill-bdiewa sabiex dawn jiksbu l-konformità u r-rekwiżiti tekniċi kollha meħtieġa bil-għan li jkollhom aċċess għal tipi differenti ta’ finanzjament u appoġġ konsultattiv f’ħidmiethom.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Agrikoltura Anton Refalo sostna li b’din il-miżura, il-bdiewa u r-raħħala se jkunu mgħallma teknoloġiji ġodda.
Il-Ministru Refalo sostna: @B’miżura bħal din tal-AgriConnect, aħna sejrin nuru u ngħallmu lill-bdiewa u r-raħħala tagħna teknoloġiji ġodda sabiex huma jkunu jistgħu jilqgħu għal sfidi tal-lum ta’ għada.”
Dan is-servizz se jkun mogħti minn esperti kkwalifikati fil-qasam agrikolu u huwa maħsub sabiex jinċentiva lill-bdiewa li ġa qed jaħdmu fis-settur, kif ukoll biex iħajjar liż-żgħażagħ jagħżlu din il-karriera.
Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jidħol fis-sit www.agriconnect.gov.mt.