Bl-introduzzjoni tas-servizz ta’ WiFi b’xejn li qed jiġi offrut minn Malta Public Transport fl-ajruport, issa sar aktar faċli li wieħed ikollu informazzjoni dwar is-servizz tat-trasport pubbliku.
Bis-servizz Free Tallinja WiFi, kull mingħandu mowbajl jew tablet jista’ jniżżel it-tallinja app b’xejn u jużaha ħdejn it-ticket booth ta’ Malta Public Transport fl-Arrivals Hall fl-ajruport jew fuq il-waqfa tal-karozzi tal-linja quddiem id-Departures Hall. Ladarba wieħed inizzel it-tallinja app, jista’ jaqbad ma’ Free Tallinja WiFi biex juża’ din l-app mingħajr ħlas addizjonali.
“It-tallinja app diġà niżżluha aktar minn 50,000 persuna u qegħdin nirċievu kummenti pożittivi ħafna mingħand il-klijenti regolari tagħna,” spjega Daniel Grech, Commercial Director ta’ Malta Public Transport.
“Is-servizz ta’ Free tallinja WiFi fl-ajruport se jagħmilha aktar faċli għat-turisti li jridu jniżżlu l-app kif jaslu Malta biex isibu l-informazzoni kollha li għandhom bżonn dwar is-servizz tat-trasport publiku.”
Peress li fuq il-waqfa tal-karozzi tal-linja ser ikun hemm ukoll is-servizz ta’ Free Tallinja WiFi, il-passiġġieri jistgħu wkoll jippjanaw il-vjaġġ tagħhom permezz tal-Journey Planner li jinsab fuq din l-app. Dan huwa utli ħafna speċjalment għat-turisti li ma jkunux familjari mar-rotot u jridu jsibu l-aħjar mod kif jaslu ħdejn il-lukanda tagħhom għal €2 biss.
Dawk it-turisti li qed jippjanaw li jqattgħu ġimgħa f’Malta jistgħu jivvjaġġaw b-inqas flus meta jixtru l-Explore Card, li toffri vjaġġar bla limitu għal sebat ijiem b’€21 biss għall-kbar u €15 għat-tfal. Prodott ieħor li hu aktar flessibbli u joffri valur għal flusek huwa 12 Single Day Journeys card. Din tista’ tinxtara għal €15 u tibqa’ valida għal sena.