F’sitwazzjoni ta’ sħana bla preċedent li laqtet lill-Ewropa u l-interruzzjonijiet temporanji fil-provvista tal-elettriku se jibda jiġi offrut minnufih servizz temporanju ta’ Day Respite lill-anzjani milquta, li għandhom aktar minn 65 sena.
Dan is-servizz ta’ matul il-jum, offrut mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva, ser jingħata fir-residenza San Vinċenz De Paul u fid-djar kollha tal-anzjani kif ukoll f’Dar Padova f’Għawdex.
Fi stqarrija ntqal li l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva ser jagħmel minn kollox biex l-anzjani jiġu offruti servizz qrib il-lokalità tagħhom.
Se jkun qed jiġi offrut ukoll it-trasport. Dawk l-anzjani li jixtiequ jagħmlu użu minn dan is-servizz temporanju għandhom iċemplu fuq in-numri 22788491/2/3 jew jibagħtu email fuq silvert@gov.mt bejn it-8am u l-5pm.