Il-WasteServ b’kollaborazzjoni ma’ Caritas Malta se tkun qed toffri lill-impjegati tagħha servizzi ta’ counselling u informazzjoni oħra speċjalizzata b’xejn lill-ħaddiema tagħha.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia waqt żjara fl-uffiċċini tal-WasteServ fejn ġie ffirmat ftehim bejn il-WasteServ u l-Caritas.
Fil-fatt, ġie spjegat kif mal-WasteServ jaħdmu mat-800 ħaddiem li ġejjin minn faxex soċjali differenti. Għalhekk inħasset il-ħtieġa li titwaqqaf sezzjoni ġdida fi ħdan il-kumpanija li se tkun qed toffri appoġġ lil dawk il-ħaddiema li qed jaffaċċjaw sfidi relatati max-xogħol u anke dawk personali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-WasteServ, is-Sur Richard Bilocca qal li din il-kollaborazzjoni qed issir bil-għan li tinħoloq attitudni pożittiva lejn il-ħarsien mentali tal-impjegati kollha tal-WasteServ.
Is-Sur Bilocca qal, “Ħadd minnha ma hu tal-ħadid u b’dan il-fethim mal-Caritas qed niżguraw li l-ħaddiema tagħna jkollhom l-appoġġ neċessarju kemm f’dan iż-żmien diffiċli tal-pandemija u anke għal dawk il-ħaddiema li jista’ jkun ikunu għaddejjin minn problemi personali li jirrikjedu ċert għajnuna speċjalizzata.”
Id-Direttur ta’ Caritas Malta, Anthony Gatt qal li din l-għajnuna ħa tingħata kemm f’sessjonijiet ta’ gruppi u anke individwali.
Huwa stqarr: “Dan il-ftehim jirrigwardja għajnuna li l-Caritas se tkun qed toffri lill-impjegati tal-Wasteserv f’dik li hija gruppi u sessjonijiet individwali għas-saħħa fiżika u mentali tagħhom. L-intervent ħa jgħin lil persuni li għaddejjin minn xi diffikultajiet fil-ħajja personali tagħhom biex ovvjament huma jkunu sostnuti.”
Il-Ministru Aaron Farrugia qal li s-sena li għaddiet kienet ta’ sfida kbira għal kulħadd u għalhekk huwa importanti li nkunu proattivi u nipprovdu appoġġ emozzjonali u prattiku lill-impjegati tagħna.
Dan speċjalment lill-ħaddiema tal-WasteServ li jagħtu servizz kruċjali u essenzjali lil pajjiżna.
Spjega kif dan kien pass għaqli: “Wara dak is-servizz li jingħata hemm mijiet ta’ ħaddiema li jaħdmu hawnhekk il-WasteServ u għalhekk li dawn il-ħaddiema wieħed jirrikonoxxi li għandhom sfidi mhux biss id-dar iżda wkoll sfidi fuq il-post tax-xogħol tagħhom speċjalment f’ambjent bħal dan. Kien għalhekk pass għaqli mill-WasteServ li ngħaqdu flimkien mal-Caritas biex joffru counselling u kif ukoll servizz ta’ saħħa u kura mentali biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jagħtu l-aqwa performance tagħhom issa u fiż-żmien li ġej.”