Is-servizz ta’ childcare b’xejn kienet l-iktar miżura kruċjali li għenet l-ekonomija Maltija. Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jindirizza konferenza aannwali ta’ Finance Malta.
Qal li dan l-inċentiv ħoloq numru kbir ta’ nies, li fil-maġġoranza tagħhom kienu nisa, li daħlu fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba jew saħansitra irritornaw lura għax-xogħol.
Spjega li minkejja li s-servizz ta’ childcare b’xejn mhux irħis, ir-ritorn li qed iħalli huwa evidenti u ovvju.
Il-Prim Ministru Muscat semma wkoll id-diversi inċentivi fit-taxxi li jkomplu jagħmlu lil Malta pajjiż ideali. Madanakollu, aċċena fuq il-bżonn li nkomplu nattiraw talent li huwa nieqes f’Malta.
Tkellem ukoll fuq l-aspett globali, fejn fisser li s-sistema qed tisħaq fuq ir-regolamenti. It-tħassib tal-Prim Ministru huwa li mexjin lejn l-estrem b’regolamenti żejda.
Filwaqt li sostna li l-Gvern huwa favur ir-regolamenti, daqtsant ieħor ma jaqbilx ma regolamenti li joffru piż żejjed u ma jipprovdux l-għodda neċessarja u trasparenza.
Il-Prim Ministru Muscat qal li kemm fix-xena lokali kif ukoll dik globali, jeżisti xettiċiżmu fuq is-settur finanzjarju. Filwaqt li din hija industrija leġittima, għandha quddiem wiċċha sfidi kbar.
Tkellem dwar il-bżonn li iktar nies ikunu konvinti dwar din l-industrija u jinsab pożittiv għal prospetti li hemm għas-snin li ġejjin.
Huwa temm jgħid billi appella biex l-innovazzjoni tkun aspett kruċjali fil-ħidma finanzjarja.