Ser jiġi implimentat servizz ta’ Case Management bil-għan li anzjani li jgħixu fil-komunità, jingħataw l-appoġġ li jkollhom bżonn.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet tal-Gvern mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
Ġie spjegat kif b’dan is-servizz, li se jitħaddem mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, se jwassal għal tnaqqis fl-ammont ta’ persuni li jiddaħħlu l-isptar jew fi djar residenzjali.
Fil-fatt, dan is-servizz jinkludi Case Manager li se jkun qed jikkoordina u jipprovdi kura ffukata fuq il-bżonnijiet tal-anzjan jew anzjana fil-komunità. Dan billi anke jassistihom fejn jidħlu servizzi oħra, bħal dak tar-Respite, u servizzi pprovduti minn entitajiet oħra bħad-Dipartiment tal-Kura Primarja.
Ġie spjegat ukoll kif il-klijenti li huma eliġibbli għas-servizz ta’ Case Manager huma fost l-oħrajn persuni li ma jistgħux joħorġu minn djarhom, għandhom mard kroniku u kundizzjonijiet kumplessi u li m’għandhomx, jew m’għandhomx biżżejjed, sapport mingħand qraba jew ħbieb u klijenti li jgħixu fil-komunità u li qed jesperjenzaw diffikultà biex ikampaw mal-kundizzjoni tagħhom.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela sostna l-importanza ta’ dan is-servizz li se jkompli jassigura l-aqwa kura fil-komunità.
“Ħa jkollna sistema fejn ħa jkun hemm xi ħadd speċjalizzat li jista’ jgħin lill-individwu, jagħti l-input, iktar milli just l-individwu għandu contact number, għandu persuna li jista’ jirreferi għalih u li jista’ jiġi fdat li ħa jgħin lill-persuna tilħaq l-aspirazzjonijiet tagħha.”
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele spjega li tobba u/jew professjonisti, jistgħu jirreferu anzjani li jeħtieġu valutazzjoni ħolistika fil-komunità mit-tim tal-CommCare permezz tal-applikazzjoni tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, u jimmarkaw “Domiciliary Nursing”, jew inkella billi jċemplu fuq in-numru 22589393.