Malta Public Transport se topera servizz speċjali dirett għal kunċert ta’ Rockestra 2016 li se jtella’ is-Sibt 10 ta’ Settembru fl-MFCC f’Ta’Qali.
Kull sena dan il-kunċert b’risq il-Malta Community Chest Fund, jiġbor flimkien numru ta’ kantanti Maltin li jagħtu spettaklu live akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ta’ Malta.
Malta Public Transport se topera rotta speċjali mill-Belt Valletta għal Ta’ Qali, b’servizzi li jitilqu mill-Venda tal-Belt fil-17:15, is-18.15 u s-19:15.
Fl-aħħar tal-kunċert, il-vjaġġi lura minn Ta’ Qali għall-Belt Valletta se joperaw fl-22:45, il-23:30 u nofsillejl.
“Il-kumpanija bi pjaċir tagħti l-appoġġ tagħha lil avvenimenti bħal Rockestra, li għandhom għan wieħed: li jagħtu daqqa t’id lil persuni fil-bżonn.” sostna Daniel Grech, id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport. Huwa żied li “waqt avvenimenti li jiġbdu lejhom tant nies aħna inħeġġu aktar persuni biex jużaw il-karozza tal-linja minflok ma joqgħodu jinkwetaw dwar il-parkeġġ.”
It-tariffi se jkunu kif ġej: €3.00 fi flus kontanti fuq tal-linja; €2.50 meta wieħed iħallas bit-tallinja card; żewġ vjaġġi bi ħlas bit-12 Single Day Journeys card; filwaqt li mhux se jkun hemm ħlas żejjed meta wieħed iħallas bl-Explore Card.