Servizz nazzjonali ta’ konsulenti ġerijatriċi li se jibdew joffru s-servizzi tagħhom fid-djar tal-anzjani li ma jistgħux joħorgu minn darhom. S’issa dawn l-anzjani kien ikollhom imorru l-outpatients tal-isptar Mater Dei jew għand il-privat.
Dan is-servizz ma jissostitwix lit-tabib, għaliex l-irwol tal-konsulent huwa differenti minn dak tat-tabib u tintalab l-assistenza tiegħu meta l-problema jkollha bżonn attenzjoni speċjalizzata.
Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana spjegat li permezz ta’ dan is-servizz, il-Gvern qed iżomm is-servizzi fil-komunità fiċ-ċentru tal-ħidma. Fl-indirizz tagħha stqarret li l-idea ta’ dan is-servizz nibtet minn suġġeriment tal-pubbliku stess u li b’dan is-servizz se tkun qed tingħata l-massimu tal-kura possibbli lill-anzjani.
L-anzjani kollha ta’ ‘l fuq minn 60 sena jistgħu jibbenefikaw minn dan is-servizz b’xejn. L-uniku fattur importanti biex anzjan japplika huwa li jkun home bound, jiġifieri l-kundizzjonijiet tiegħu ma jippermettilux li joħroġ mid-dar. L-anzjani jistgħu jikkuntattjaw iċ-centru servizz anzjan biex jiggwidawhom fl-applikazzjoni għal dan is-servizz.