Dawk li ta’ kuljum jivvjaġġjaw lejn ix-xogħol u lura bejn Tas-Sliema u t-Tlett ibliet se jkunu jistgħu jaslu f’temp ta’ madwar erbgħin minuta biss. Dan wara li t-Tnejn wara nofshinar, bil-Port il-Kbir fl-Isfond, ġie inawgurat servizz dirett bil-lanċa tal-passiġġieri li se jikkombina t-trasport bil-baħar u fuq l-art mingħajr dewmien żejjed.
Il-passiġġieri se jaqsmu bil-baħar lejn il-Belt Valletta, fejn karozza tal-linja se tkun qed tistennihom biex teħodhom in-naħa l-oħra tal-Belt u minn hemmek jirkbu l-lanċa li twassalhom bla telf ta’ żmien fid-destinazzjoni finali tagħhom.
F’kummenti ma’ dan l-istazzjon il-Ministru għat-Trasport Ian Borg spjega kif dan se jtejjeb il-kwalita tal-ivjaġġar għal dawn il-ħaddiema.
Qal kif, “Issa b’dan l-investiment minn Tas-Sliema għat-tlett ibliet wieħed jista’ jaqbad il-baħar u juża t-trasport b’xejn li jkun hemm offrut lilhom biex ikomplu t-traġitt u din se tkun qed tinkoraġixxi aktar nies jitilqu l-karozza privata għal dan it-tip ta’ vjaġġar u allura jużaw it-trasport alternattiv illi issa se jkun qiegħed jissaħħa.”
Dan is-servizz ġdid, ipprovdut minn Marsamxetto Steam Ferry Services flimkien ma’ Transport Malta u Malta Public Transport, huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fil-qasam bejn il-gżejjer.
Preżenti il-Kap Eżekuttiv ta’ Marsamxetto Steam Ferry Services spjega kif b’dan, il-ħaddiema, se jiffrankaw il-ħin filwaqt li titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq Maltin.