Is-sit servizz.gov ġie nnominat għall-premju tal-Aħjar Soluzzjoni Diġitali għall-pajjiżna fil-World Summit Awards. Din hija inizjattiva globali li tagħżel l-innovazzjonijiet diġitali li l-iktar jħallu impatt posittiv fuq is-soċjetà. Stqarrija mill-Uffiċju tas-Segretarju Permanenti Prinċipali spjegat kif din in-nominazzjoni issa hija kwalifikata biex tiġi evalwata ma’ l-fuq minn erba’ mitt proġett ieħor minn ġurija speċifika.
Servizz.gov hija l-aġenzija li qed iġġib is-servizzi kollha tal-Gvern f’post wieħed. Dan hekk kif għal dawn l-aħħar snin qed tagħmel is-servizzi pubbliċi iżjed aċċessibli mill-pubbliku. Dan permezz tas-sit online, l-uffiċji f’Raħal Ġdid, Birkirkara, Qawra, Ħal-Qormi u r-Rabat Għawdex u l-freephone speċifiku tal-aġenzija. Bosta servizzi tal-gvern illum huma wkoll aċċessibli permezz tal-mobile fejn saħansitra bosta għandhom l-app speċifika għalihom.
Fost il-kriterji li fuqhom se tkun evalwata l-aġenzija hemm il-kontenut, il-funzjonalità, id-disinn, it-teknoloġija, u l-innovazzjoni.
L-istqarrija temmet tgħid li l-fatt li l-aġenzija ġiet nominata huwa premju minnu nnifsu. Dan hekk kif ta’ kull sena n-nominati jintgħażlu minn esperti minn madwar 108 Stat Membru tal-Ġnus Magħquda.