Inizjattiva ġdida b’kollaborazzjoni bejn id-Direttorat tad-Drittijiet Umani u l-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, l-FSWS, rat it-tnedija ta’ servizz ġdid ta’ assistenza lil persuni LGBTIQ u anke l-qraba tagħhom.
Id-Direttur fi ħdan id-Direttorat tad-Drittijiet Umani, Michael Camilleri sostna kif dan id-direttorat beda sitt snin ilu u kien jimpjega biss tliet persuni, iżda issa dan kiber għal ħamsa u tletin ħaddiem.
Stqarr li b’dan il-progress, issa huwa possibbli li tliet persuni li jaħdmu full-time, jieħdu ħsieb dan is-serizz t’assistenza, sabiex ħadd fis-soċjetà ma jħossu iżolat.
Min-naħa tagħha, Graziella Castillo, Direttur fi ħdan l-FSWS qalet kif dan is-servizz se jgħodd ukoll bħala eżerċizzju fejn l-FSWS tkabbar il-ħidma tagħha u tkun aktar viċin is-soċjetà.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali u l-Familja, Michael Falzon stqarr li dan is-servizz huwa pass ieħor għat-tisħiħ ta’ dawn id-drittijiet.
Huwa awgura wkoll aktar kollaborazzjoni bejn l-entitajiet tal-Gvern.
Qal, “Is-servizz tal-lum huwa turija oħra ta’ kemm dan huwa Gvern magħqud u Gvern li kapaċi naħdmu ma’ xulxin. Għal darb’ oħra qed nieħu pjaċir li ż-żewġ Ministeri qed nikkolaboraw u qed nieħu pjaċir ukoll anke għad-direttorati fi ħdan l-FSWS u f’dak li huma drittijiet tal-bniedem u dan huwa ftehim li dak li hemm miktub fil-karta, naraw kif se nġibuh f’realtà.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ugwaljanza, Owen Bonnici tenna l-importanza li l-Gvern ikun jaf il-bżonnijiet tan-nies, hekk kif il-liġijiet weħidhom ma jġibux il-bidla li hemm bżonn.
Qal li b’hekk il-Gvern verament jista’ jkun ta’ spalla għall-persuni differenti.
Spjega, “B’dak li għamilna llum, qed nagħtu servizzi ġodda t’assistenza u għajnuna kemm lill-komunità LGBTIQ u anke lill-familjari tagħhom biex inkomplu nsaħħu l-għajnuna għas-sostenn li hawn f’pajjiżna.”