Id-Dipartiment tas-Saħħa din is-sena offra servizz ġdid fejn 133 anzjan ġew imlaqqma ġewwa djarhom għall-influwenza staġjonali.
L-Influwenza staġjonali tolqot lil pajjiżna bħal kumplament tal-Ewropa f’dawn iż-żminijiet tas-sena u tibqa’ sejra matul ix-Xitwa kollha. Din is-sena l-influwenza, li ħakmet l-Ewropa kollha, hija tat-tip H2N3.
“Għalkemm għall-maġġor parti tal-popolazzjoni l-effetti tal-influwenza m’humiex gravi, għall-anzjani speċjalment dawk bi problemi respiratorji, l-influwenza jista’ jkollha konsegwenzi gravi,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Għal dan il-għan l-Isptar Mater Dei din is-sena ħa inizjattiva ġdida fejn persuni anzjani bi problemi respiratorji, li fil-passat idaħħlu l-isptar ibatu minn sintomi tal-influwenza, ingħatatilhom it-tilqima fil-kumditża ta’ darhom.
“Dawn l-anzjani ħafna drabi jispiċċaw ma jieħdux it-tilqima minħabba problemi oħra f’saħħithom u problemi ta’ mobiltà u għalhekk jispiċċaw aktar vulnerabbli bil-konsegwenza li l-influwenza jekk taħkimhom tkiddhom aktar,” qal il-Ministru Fearne.
Mistoqsi dwar kemm nies ħadu t-tilqima tal-influwenza din is-sena l-Ministru Fearne qal li din is-sena kienet sena rekord u s’issa kienu 70,600 persuna li ħadet din it-tilqima s’issa.
It-tilqima kontra l-influwenza staġjonali għadha tista’ titieħed b’xejn miċ-Ċentri tas-Saħħa kollha.