Waqt li kien qed jindirizza laqgħa internazzjonali tal-mediċina sportiva organizata f’Malta, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li wara li s-sena l-oħra nħatar konsulent fil-Mediċina Sportiva, issa beda servizz ġdid fiċ-Ċentri tas-Saħħa, u kif ukoll f’Mater Dei.
Fearne tkellem ukoll dwar l-importanza tal-eżerċizzju fiżiku, mhux biss għall-atleti imma għall-pubbliku b’mod inġenerali. Il-kura ta’ ċertu mard, bħad-dijabete u pressjoni għolja, mhux neċessarjament għandhom ikunu ttrattati biss b’mediċini farmaċewtiċi, imma jistgħu jkunu wkoll trattati permezz ta’ preskrizzjoni ta’ sport u eżerċizzju mediku. “Irridu nippromwovu l-isport u l-eżerċizzju mhux biss għall-atleti imma rridu wkoll nippromwovu l-isport u l-eżerċizzju bħala parti minn stil ta’ ħajja b’saħħitha”, qal il-Ministru Chris Fearne.
Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Fearne ġie ppreżentat bi plakka kommemorattiva għas-seħem tiegħu fil-promozzjoni tal-eżerċizzju fis-saħħa mill-President tal-Fondazzjoni Ewropeaa tal-Isport Mediku Dr Andre Debruyne.
Ritratt: MFH