Persuni li għandhom aktar minn 60 sena, għandhom l-artrite, u jagħmlu parti mill-komunità ta’ San Vinċenz se jkunu jistgħu jgawdu minn servizz ġdid, immirat apposta għalihom biex jibqgħu attivi u jeżerċitaw ruħhom.
Permezz ta’ dan is-servizz, dawn il-persuni se jitgħallmu kif jieħdu ħsieb saħħithom aħjar u jtejjbu l-kwalità ta’ ħajjithom permezz tal-eżerċizzju. B’mod partikolari, is-servizz se jkun immriat lejn dawk li għandhom l-artrite fil-ġenb u fl-irkoppa, u se jkun imqassam f’għoxrin sessjoni ta’ taħriġ.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paule, Dr. Josianne Cutajar, ħabbret dan illum, propju ftit tal-jiem wara li ġie mfakkar il-Jum Dinji għal fizioterapija. Din is-sena t-tema magħżula kienet l-artrite: kundizzjoni komuni fost il-popolazzjoni anzjana.
Il-Ministru għall-anzjanita attiva Jo Etienne Abela qal li dan hu eżempju ta’ kif il-Gvern qed jinvesti fil-ħajja ta’ kull individwu.
Wieħed għandu bżonn biljett ta referenza mingħand it-tabib għall-fizjoterapija ġewwa St Vincent de Paul sabiex jaċċessa s-servizz. Aktar informazzjoni tinkiseb b’telefonata fuq in-numru 22912574 permezz ta’ email: physio.svp@gov.mt