Servizz ġdid għall-kura tas-saħħa mentali li jmur dirett fid-djar tal-pazjenti, qed jaspira li n-numru ta’ nies li ta’ kuljum ikollhom jidħlu Monte Karmeli minħabba sfidi mentali, jonqos b’terz.
Imsejjaħ Crisis Resolution Home Treatment, dan is-servizz se joffri għajnuna fid-djar tal-pazjenti minn tim ta’ ħdax-il professjonist; li jinkludi żewġ psikjatri, tmien infermiera speċjalizzati u psikologu.
Meta ħabbar dan is-servizz, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne spjega li kuljum, bejn tmienja u għaxar pazjenti jidħlu Monte Karmeli minħabba kundizzjonijiet akuti jew sfidi mentali. Uħud minnhom ikunu jistgħu jieħdu t-trattament id-dar stess, u dan is-servizz proprju hekk se jkun qed jagħmel.
Il-konsulent psikjatriku Dr David Cassar spjega kif se jaħdem dan is-servizz fi żminijiet ta’ kriżi.
Qal, “Iż-żmien ta’ kriżi huwa l-iżjed żmien perikoluż fejn il-persuna jbati, fejn il-familji jbatu, fejn il-persuni jkunu f’riskju anki ta’ suwiċidju imma mhux biss suwiċidju forsi li jitilfu r-relazzjoni tagħhom, li jitilfu x-xogħol tagħhom, li jitilfu d-dar tagħhom u f’dawn il-każijiet aħna nidħlu mill-ewwel fi żmien erbgħa u għoxrin siegħa u nagħtu sapport għal ammont ta’ ġimgħat biex nilqgħu u ntaffu l-kriżi imbagħad il-persuni nibqgħu nieħdu ħsiebhom bit-timijiet tagħna.”
Dan is-servizz se jagħti attenzjoni partikolari lil dawk milquta mentalment minħabba l-pandemija tal-Covid-19, mhux biss pazjenti imma anki l-ħaddiema tas-saħħa.
Spjega, “Nagħrfu li l-bżonnijiet minħabba l-pandemija żdiedu fil-pajjiż bħalma żdiedu madwar id-dinja kollha u rridu nieħdu ħsieb lill-ħaddiema tas-saħħa kollha li tant ħadmu b’saħħa kbira u b’ħerqa waqt il-pandemija imma bi pressure kbir ħafna fuqhom għax mhux faċli meta tara t-tbatija, meta tara l-mod li kellna nbiddlu s-servizzi tagħna u l-ħaddiema tagħna rridu nieħdu ħsiebhom ukoll.”