Fir-residenza San Vinċenz de Paul ġie inawgurat servizz ġdid imsejjaħ bħala videofluoroscopy.
Dan is-servizz jingħata lill-anzjani vulnerabbli; permezz ta’ x-ray wieħed isir jaf jekk l-individwu jkunx jista’ jiekol u jibla sew. Permezz ta’ dan is-servizz, l-anzjani se jingħataw parir mill-professjonisti dwar x’għandhom jieklu u jixorbu.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, qal li dan is-servizz mhux se jingħata biss lir-residenti f’San Vinċenz de Paul, iżda wkoll lill-anzjani li għandhom ’il fuq minn 65 sena. Qal li dan il-post irid ikun ċentru sabiex jgħin lil dawn l-anzjani vulnerabbli.
Abela qal, “Test li juża l-x-rays, fejn aħna nkunu nistgħu nagħmlu assessment, ninvestigaw kif pazjent jibla’. Dan huwa fatt importanti immens. Aħna nibilgħu l-ħin kollu u ma nagħux każ kemm dan il-proċess huwa kumpless. Nindunaw li hemm problema meta jkun hemm kumplikazzjonijiet għax l-apparat mhux jaħdem sew.”
Min-naħa tagħha, il-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz de Paul, Josianne Cutajar, qalet li dan is-servizz se jwassal għal prevenzjoni sabiex l-anzjani ma jkollhomx aktar kumplikazzjonijiet.
Semmiet kif dan l-investiment jingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti li diġà saru f’din ir-residenza.
Cutajar stqarret, “Huwa ferm importanti li aħna nkunu nafu, il-professjonisti jkunu jafu li, jekk hemm problema biex anzjan jiekol, issir dik id-dieta, jitpoġġa fuq id-dieta, li b’hekk tissalvagwardja s-saħħa tiegħu u ma jkollux iżjed kumplikazzjonijiet fis-saħħa tiegħu.”