Pazjenti għaddejjin mill-marda tal-kanċer ħafna drabi jsirilhom port–a–cath – apparat impjantat għall-aċċess tad-demm mill-vini inserit taħt il-ġilda permezz ta’ operazzjoni.
Dan l-apparat ikollu bżonn manutenzjoni regolari kemm waqt li l-pazjent ikun għadu qed jirċievi t-trattament tal-kanċer kif ukoll wara li jispiċċa t-trattament, peress li l-port–a–cath ħafna drabi jibqa’ fil-pazjent għal xi perjodu wara tmiem it-trattament.
Minħabba dan, pazjenti li m’għadhomx jirċievu t-trattament tal-kanċer kull ħmistax ikollhom imorru ċ-Ċentru tal-Onkoloġija biex isir flushing tal-port–a–cath, iżda fl-aħħar xhur dan is-servizz beda jingħata wkoll fiċ-ċentri tas-saħħa.
“Nafu li kien ta’ skariġġ għal ħafna nies li kull ħmistax kien ikollhom jiġu l-isptar biex jiġi mantnut il-port–a–cath. Għaldaqstant saret kollaborazzjoni bejn l-infermiera taċ-Ċentru tal-Onkoloġija u l-infermeriera fl-oqsma tal-Kura Primarja u tad-Direttorat tal-Cancer Care Pathways li permezz tagħhom, wara kors intensiv, it-tindif tal-port–a–cath qed isir fiċ-ċentri tas-saħħa”, qal il-Ministru Chris Fearne waqt laqgħa mal-infermiera li għamlu dan il-kors.
Fil-preżent, il-flushing tal-port–a–cath qed isir fiċ-ċentri tas-saħħa ta’ Birkirkara u ta’ Bormla filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin dan is-servizz se jibda jingħata wkoll fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.