Tħabbar servizz ġdid intiż biex jgħin sidien u diretturi ta’ kumpaniji jew negozji li qed jaffaċċjaw sfidi ta’ saħħa mentali minħabba l-pandemija.
Is-servizz, bl-isem ta’ Ment+, huwa frott ħidma konġunta bejn il-Malta Enterprise, Business First, il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, u l-Fondazzjoni Richmond.
Dan is-servizz se jingħata permezz tas-sit elettroniku www.mentrepreneurial.com fejn se jingħata taħriġ f’filmati li jittrattaw suġġetti bħas-saħħa mentali, reżiljenza u kif wieħed jadatta għall-bidla.
Min ikollu bżonn għajnuna lil hinn minn hekk, il-Fondazzjoni Richmond se tipprovdi aktar għajnuna b’sessjonijiet dettaljati li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-individwu.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni, Stephania Dimech Sant spjegat l-importanza li s-saħħa mentali tkun parti integrali mill-proċessi tan-negozji għaliex mingħajrha, tonqos il-produttività u l-innovazzjoni.
Qalet, “Dan is-servizz ħa jkun qed jiffoka fuq is-saħħa mentali tad-diretturi u s-sidien tal-intrapriżi. Inħeġġuhom biex jikkuntattjawna ħalli flimkien nesploraw kif jistgħu jimxu ’l quddiem u jegħlbu l-impatt tal-pandemija.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Business First, Marika Tonna qalet li mill-esperjenza diretta man-negozjanti u l-intraprendituri tul il-pandemija, ħareġ ċar li dawn ġarrbu diversi sfidi mentali meta ġew biex jindirizzaw bidliet f’daqqa li ġabet magħha l-pandemija.
Spjegat, “Fejn is-soltu aħna dejjem konna ngħinuhom b’mod finanzjarju, ħriġna b’dan is-servizz fejn qed nippruvaw ngħinu lis-sidien tan-negozji fuq is-saħħa mentali.”
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif fl-aħħar xhur, Business First u l-Malta Enterprise dejjem kienu fuq quddiem biex għenu lill-intrapriżi, u b’dan is-servizz l-għajnuna qed tmur pass ’il quddiem.
Qalet, “Business First ser tkun qiegħda tagħti għajnuna lil dawk li għandhom issues ta’ saħħa mentali, lil dawk li jridu li jitolbu l-għajnuna għaliex wara kollox irridu naċċertaw ruħna li nkunu qegħdin nieħdu ħsieb il-wellbeing ta’ min iħaddem.”