Tnieda proġett pilota ta’ servizz għas-saħħa mentali tal-ġenituri matul it-tqala u l-ewwel sena wara t-twelid tat-tarbija.
Dan fid-dawl li s-saħħa mentali tista’ tkun ta’ sfida għal kulħadd, mingħajr ebda distinzjoni ta’ klassi soċjali jew età.
Ruth Sciberras, iċ-Chairperson tal-Positive Parenting Task Force spjegat li l-istrateġija se tagħti opportunità lil kull familja biex taċċessa s-servizzi, u tara li jintlaħqu wkoll familji meqjusa vulnerabbli.
Qalet kif, “Dan is-servizz qed nagħmluh għaliex ħafna koppji jesperjenzaw anzjetà, ikunu nervużi, ikun hemm min ibati minn dipressjoni u jkun hemm aktar problemi serji bħal anki min jaħseb dwar mewt jew suwiċidju jew ma jkunux jistgħu jinġibdu lejn it-tarbija tagħhom.”
Il-Professur Angela Abela, mid-Dipartiment tal-Istudji tal-Familja fl-Università ta’ Malta, spjegat li dan il-proġett se jibda jopera mis-sena d-dieħla, billi jintbagħtu formoli lill-koppji li jkunu se jsiru ġenituri biex jieħdu sehem f’din ir-riċerka, li qed tagħti importanza partikolari lis-saħħa bikrija għaliex il-moħħ tat-tarbija jibda jiżviluppa b’pass mgħaġġel sa minn xahrejn li jkun għadu fil-ġuf.
Spjegat li l-missirijiet se jingħataw importanza partikolari f’dan il-proġett, għaliex riċerki internazzjonali juru li għaxra fil-mija tal-missirijiet ibatu mid-dipressjoni. Se tingħata wkoll importanza lir-relazzjoni bejn il-koppja.
Spjegat kif, “Illum il-missirijiet jipparteċipaw ħafna fit-trobbija tat-tfal, iktar minn qabel, u għalhekk huwa importanti li nieħdu ħsiebhom għax għandhom influenza kbira fuq l-iżvilupp tat-trobbija, kif ukoll ir-relazzjoni ta’ bejn il-koppja għax iktar kemm ikunu kuntenti, it-tfal iktar se jikbru f’ambjent seren għax nistgħu ngħidu li r-relazzjoni tal-ġenituri hija l-ewwel benniena tat-tarbija.”
Il-Ministru Michael Falzon qal li dan huwa l-ewwel proġett tax-xorta tiegħu f’pajjiżna li qed isir minn Kumitat li diġà wettaq żewġ kampanji b’suċċess dwar it-tfal u l-adoloxxenti, li urew kemm il-prevenzjoni hija importanti.
Bl-istess mod, tul il-kampanja dwar il-vjolenza domestika fl-aħħar ġimgħat ukoll ħareġ ċar li l-problemi fiż-żwieġ ikunu ilhom li bdew mill-għerusija, u għalhekk il-bżonn li jiġu indirizzati mill-ewwel.
Qal li, “Huwa fatt mhux kontestat li l-iktar li jassorbi moħħna huwa l-ewwel sentejn jiġifieri importanti li min ħa jitwieled, aħna naraw qabel fejn hu l-iżvilupp tar-relazzjoni ta’ ommu u missieru imbagħad we follow it through.”
Il-ħsieb hu li wara s-sena d-dieħla, dan il-proġett pilota jinfirex mal-popolazzjoni kollha, li tara t-twelid ta’ madwar ħamest elef tarbija kull sena.