Il-membri ta’ Malta Libraries għandhom l-opportunità li jissellfu ebooks, audiobooks u rivisti b’xejn. Dan jista’ jsir faċilment billi wieħed iniżżel il-OverDrive App Libby fuq il-mobile jew tablet tiegħu. L-app tinkludi fiha mas-37,000 titlu ta’ ebooks differenti. Hemm għażla ta’ ebooks għall-gosti ta’ kulħadd fosthom rumanzi, ebooks li jitrattaw is-suġġetti tax-xjenza u l-fantasija, bijografiji, komiks, kotba storiċi kif ukoll kotba diġitali dwar it-tisjir u l-ikel. Għat-tfal u l-adoloxxenti hemm ukoll għażla sabiħa ta’ titli minn fejn wieħed jista’ jagħżel x’jaqra.
Fil-preżent l-Libby tinkludi fiha ebooks bl-Ingliż biss iżda minn din is-sena ser tibda tinkludi wkoll eBooks bil-Malti. B’hekk dan is-servizz se jkun qed jikkumpliemnta s-servizz tal-Octavo li joffri selezzjoni ta’ ebooks bil-Malti għall-membri ta’ Malta Libraries.
Il-Libby app hija wkoll komda ħafna u konvenjenti għall-qarrejja għaliex toffri l-faċilità fost oħrajn li tkabbar it-tipa u tirranġa d-dawl tal-paġna tal-eBook li tkun qed taqra.
Il-membri ta’ Malta Libraries jistgħu jissellfu sa 3 eBooks għal perjodu ta’ 21 ġurnata. Jekk tkun qrajt ktieb f’qasir żmien tista’ faċilment tista’ terġa tissellef ebook ieħor għax is-servizz ma jieqaf fl-ebda ħin.
Fost l-aktar awturi popolari li nsibu ebooks tagħhom fuq il-Libby App hemm Colleen Hoover, James Patterson u Rebecca Yarros. Mill-banda l-oħra, fost ir-rivisti l-aktar popolari fuq il-Libby hemm The New Yorker, Us Weekly, Woman’s World, New Scientist, National Geographic Magazine u HELLO! Magazine.
Jekk forsi m’għandikx aptit taqra u minflok tixtieq li tisma’ l-qari tal-ktieb, tista’ faċilment taċċessa l-audiobooks.
Għall-aktar informazzjoni wieħed jista’ jista’ jċempel il-Librerija Ċentrali Pubblika fuq 2598 3500 jew jibat email fuq customercare.cpl@gov.mt.