Mara ta’ 66 sena u raġel ta’ 37 sena, it-tnejn Rumeni, inżammu arrestati fuq akkużi ta’ pickpocketing. Is-serq sar ilbieraħ minn mara f’Ħal Qormi.
Ir-Rumena kienet akkużata wkoll li kienet riċediva. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba għal ħelsien mill-arrest, hekk kif argumentat li fl-aħħar ġimgħat kien hemm diversi rapporti fuq offiżi ta’ pickpocketing minn barranin.
Intqal ukoll li ż-żewġ Rumeni kienu bla impjieg, ma kellhomx biex isostnu lilhom infushom u ma kellhomx indirizz fiss. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Maġistrat Charmaine Galea rrifjutat it-talba għal ħelsien hekk kif l-akkużati setgħu jaħarbu.