Il-ġojjellier, li safa aggredit f’serqa aktarx ippjanata sew minn qabel fiż-Żurrieq, instab f’għadira demm u mitluf minn sensih. Dan ħareġ fil-Qorti hekk kif bdiet il-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront tat-tliet akkużati – Donna Borg Sciberras, Mohamed Anas Boualam u Zouhair Hodoumi.
Fil-Qorti nstema’ kif Borg Sciberras kienet tat x’jifhem lil priġunier ieħor li s-serqa kienet ilha ppjanata minn ġimgħat qabel. It-tliet akkużati qegħdin jiċħdu l-akkużi b’rabta ma’ attentat ta’ qtil u serq vjolenti aggravat.
L-ispettur Lydon Zammit xehed kif l-investigaturi sabu lis-suspettati f’dar abbundunata ftit metri ’l bogħod mill-Għassa tal-Pulizija f’Tas-Sliema. Hu ddeskriva kif il-vittma, li ismu ma jistax jixxandar, instab wiċċu ’l isfel, f’għadira demm u mitluf minn sensih.
Instema’ kif il-familja tal-vittma, li għandu sebgħa u sittin sena u hu sid il-ħanut, kienu mħassba wara li ma ċempilx lil martu għall-ħabta tas-sebgħa u kwart ta’ filgħaxija ta’ nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Awwissu kif kien ftiehem.
It-tifel tiegħu, għalhekk, mar il-ħanut u sab ix-shutter ’l isfel u l-bieb ta’ quddiem magħluq. Hu għolla x-shutter biżżejjed kemm seta’ jilmaħ lill-missieru mixħut mal-art lejn in-naħa ta’ ġewwa tal-ħanut. Il-vittma kien qed jiċċaqlaq kemm kemm saqajh li kienu marbutin u jagħmel ftit ħoss.
Kien hawnhekk, li l-Pulizija u tim mediku ġew informati b’dak li kien qed jiġri. Huma kissru tieqa f’ġenb tal-ħanut biex setgħu jassistu lill-vittma li kellu xi ġrieħi f’rasu. Intqal kif ir-raġel ittieħed l-Isptar fejn ġie ċċertifikat li sofra minn ġrieħi serji u kien fil-periklu li jitlef ħajtu.
Fil-ħanut instabu tliet kaxxiforti, tnejn kbar u waħda iżgħar, ilkoll miftuħa. Dan filwaqt li ġojjelli u deheb kienu neqsin mill-armaturi, filwaqt li l-cash register ukoll instabet imbattla.
L-Ispettur Zammit stqarr li l-filmati elevati mill-kameras tas-sigurtà juru li s-suspettati ma kinux mgħammdin u kellhom wiċċhom jidher. Borg Sciberras, li għandha każi preċedenti mal-ġustizzja, kienet l-ewwel waħda li ġiet identifikata.
Intqal li l-akkużati waslu ż-Żurrieq permezz ta’ taxi li bbukkja Anas u waqfu qrib il-Knisja Parrokjali u mxew lejn il-ħanut li jinsab viċin.
Madwar għoxrin minuta wara huma ħarġu mill-ħanut, niżżlu x-shutter u telqu bil-mixi lejn Vjal il-Blue Grotto minn fejn qabdu taxi oħra.
Jirriżulta li minn hawn marru f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ minn fejn kienu ħarġu aktar kmieni dakinhar waranofsinhar. Resident stqarr li Anas kien qiegħed jgħix f’kamra isfel u kien qiegħed jaqsamha ma’ Sciberras Borg.
F’din ir-residenza nstab basket b’sitt mija u għoxrin pillola ecstasy u ġakketta li ntużat fis-serqa.
Il-Pulizija, imbagħad, intraċċaw lis-suspettati fir-residenza abbandunata li kienet id-dar ta’ omm Hadoumi.
Il-Pulizija sgassaw ir-residenza fejn instabet Borg Sciberras fuq il-bejt tal-binja biswit, filwaqt li ħames residenzi ’l bogħod inqabad Hadoumi fi ġnien. Anas instab fi spazju żgħir.
Fir-residenza li kienu qegħdin jgħixu fiha s-suspettati nstab ukoll basket iswed bi ftit inqas minn elf u tmien mitt ewro u ieħor b’erba’ mija u erbgħin ewro. Fit-tieni basket instab ukoll salib tad-deheb, fost l-oħrajn, milli kien hemm fil-ħanut.
Aktar oġġetti tad-deheb misruqa nstabu fir-residenza ta’ Tas-Sliema kif ukoll instabu kaxxi tal-ħanut li kienu serqu. Instabu wkoll xi arloġġi, uħud li ttieħdu fil-ħanut għat-tiswija, f’pouch li kien iżomm fuqu l-vittma flimkien ma’ affarijiet personali tiegħu.
Fil-Qorti ntqal ukoll kif Borg Sciberras kienet għamlet tattoo ftit wara s-serqa, bl-isem ta’ Anas, li kellu relazzjoni magħha.