Raġel li tmien snin ilu kien involut f’serqa f’ħanut fil-Mosta weħel erbgħa u għoxrin xahar ħabs.
Jeffrey Cassar ta’ tlieta u tletin sena instab ħati ta’ serq aggravat u li fost l-oħrajn ikkommetta ħsara fuq proprjetà ta’ terzi persuni.
Fil-Qorti ntqal li flimkien ma’ Cassar kien hemm tliet persuni oħra li kissru l-ħġieġ biex daħlu fil-ħanut fejn serqu xi għodda li tiswa kważi elfejn ewro.
Il-Maġistrat ikkundannat lil Cassar tlettax-il xahar priġunerija u żiedet ħdax-il xahar ieħor talli l-akkużat kiser l-ordnijiet imposti fuqu fuq każ separat li għalih kien tqiegħed fuq Probation.