Ħadd ma weġġa’ f’serqa li seħħet illum għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ waranofsinhar minn banka tal-lottu fi Triq San Edwardu f’Ħal Qormi.
Fi stqarrija, il-Pulizija spjegat li raġel daħal fil-banka tal-lottu jitlob il-flus lill-impjegata – mara ta’ wieħed u tletin sena minn Ħal Kirkop.
Il-mara allegatament ġiet aggredita mir-raġel li kellu fil-pussess tiegħu arma li taqta’ u bil-ponta.
Allegatament, ir-raġel seraq ammont ta’ flus kontanti u ħarab minn fuq il-post.
L-impjegata fil-banka tal-lottu ma sofriet l-ebda ġrieħi.
Dwar il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-Pulizija tad-Distrett u tar-Reati Maġġuri għaddejjin bl-investigazzjonijiet.