Il-vittmi tal-qtil doppju f’Tas-Sliema mietu b’tiri f’rashom. Dan stqarru l-espert tal-Qorti waqt il-kumpilazzjoni ta’ Viktor Dragomanski, wieħed mill-akkużati mixlija bil-qtil tal-koppja Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski lura fit-18 t’Awwissu.
Fil-qorti l-investigaturi ddeskrivew dan l-omiċidju bħala serqa bi pjanar fjakk li rriżultat fi qtil doppju.
L-investigaturi qalu li minkejja l-fatt li l-vittmi mietu b’tiri, il-feriti li sofriet il-koppja kienu differenti.
Il-tabib forensiku Mario Scerri spjega li Pandolfino kellu fuqu ħames punti ta’ referenza iżda kienu biss tnejn mill-ħames tiri li nifdu u ħarġu minn ġismu. Hu kompla jispjega li Pandolfino kellu feriti fuq xofftu, għonqu u ferita f’qalbu.
Scerri qal li osserva daqqiet mal-bieb ta’ barra fejn biswitu nstab Pandolfino.
Xehdu wkoll żewġ patoloġisti li ħejjew l-awtopsja li spjegaw li Dr Pandolfino kellu 12-il ferita iżda mhux kollha kienu kawża ta’ arma tan-nar hekk kif uħud minnhom kienu tbenġil.
Patoloġista minnhom spjegat li tliet tiri nstabu f’ġisem Pandolfino fost oħrajn f’qalbu, fl-istonku u oħra li għaddiet mill-iskutella tar-ras.
Fl-awla, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li m’aċċettax applikazzjoni li rċieva biex jirrilaxxa l-karozza tat-tip VW Tiguan li kienet misruqa u li setgħet kienet użata mill-allegat aggressuri.