Skema li mhux biss tagħti serħan il-moħħ lill-kunsilli lokali, iżda li timlihom bil-kuraġġ biex ikomplu jwettqu proġetti ta’ fejda fil-lokalitajiet, li jkunu ta’ benefiċċju kbir għar-residenti.
Din kienet it-tweġiba tas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, Alfred Grima, u s-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ, Mark Camilleri, b’reazzjoni għall-iskema maħruġa aktar kmieni din is-sena, li tara li l-kunsilli Maltin u Għawdxin jibbenefikaw minn rati baxxi ta’ kirjiet ta’ art jew proprjetà pubblika.
L-iskema tara li, tkun xi tkun l-art jew proprjetà mikrija mill-Awtorità tal-Artijiet, il-massimu tal-kirja li l-kunsill irid iħallas ma jaqbiżx il-ħames mitt ewro.
Il-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar u dik ta’ Ħaż-Żebbuġ ibbenefikaw, fost oħrajn, minn din l-iskema u ġew iffirmati l-ftehimiet rispettivi ta’ devoluzzjoni tagħhom.
Din l-iskema niżlet sewwa mal-kunsilli lokali tant, li minn tagħrif li għandu ONE News, aktar lokalitajiet se jkunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema x-xahar li ġej.
Tkellimna mas-Sindku ta’ San Pawl il-Baħar, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu. Spjega li, b’din l-iskema, il-kunsilli se jibqagħlhom aktar fondi li jistgħu jutilizzawhom għal bżonnijiet oħrajn tal-lokalitajiet u r-residenti tagħhom, b’mod aħjar u aktar effikaċi.
“Grazzi għal dan il-Gvern ingħatajna art imdaqqsa li żgur kieku kellna nħallsu eluf kbar f’kirjiet. Tgħinna wkoll biex fuq artijiet, proprjetajiet oħrajn li għandu f’idejh il-Kunsill u, għaldaqstant, il-kunsilli jistgħu jserrħu rashom li mhux se jiġu mħallsin aktar minn ħames mitt ewro fuq kull proprjetà.”
Tal-istess fehma kien is-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ li spjega li, b’din l-iskema, il-kunsill għandu aktar fondi f’idejh, li jfisser aktar investiment favur it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti.
“Għalina hu importanti li nafu li hemm capping ta’ ħames mitt ewro fuq din id-devoluzzjoni. Aħna meta tlabna d-devoluzzjoni ma konniex nafu kemm irridu nħallsu, allura issa li nafu li se nħallsu ħames mitt ewro biss fuq binja bħal din hu importanti ħafna għalina.”
Hawn anke spjega x’se jkun qiegħed jsir minnha l-binja tal-Gvern, fejn bħalissa hemm inkorporati l-uffiċini tal-Kunsill Lokali, kif ukoll tliet imħażen biswit.
“Ħa jinbena day centre hemmhekk, li jkun jista’ jagħti l-ħtiġijiet kollha liż-Żebbuġin. Ħa jkun hemm l-Għassa tal-Pulizija, ħa jkun hemm il-Berġa wkoll, day centre għall-anzjani, ħa jkun hemm l-uffiċini tal-Kunsill, u wkoll sala imdaqqsa kif ukoll kmamar li se jintużaw mill-komunità Żebbuġija.”
Min-naħa l-oħra, art f’San Pawl il-Baħar, li fiha madwar elf u mitejn metru, se tkun qed tinbidel f’ċentru ta’ servizzi għall-komunità.
“Ċentru ċiviku li ħa jkun state of the art u li m’għandix dubju li lokalità bħal San Pawl il-Baħar, li ma ninsewx li għandha l-akbar popolazzjoni fil-pajjiż, għandna bżonnu illum qabel għada.”